Wara 12-il sena ntemmet is-serje The Big Bang Theory

Ritratt;: Warner

Ilbieraħ filgħaxija fuq it-televiżjoni Amerikana xxandret l-aħħar puntata ta’ The Big Bang Theory.

Ħafna kienu qed jittamaw li din kienet l-aħħar puntata tal-istaġun iżda le, il-konferma hi waħda uffiċjali: dik tal-bieraħ kienet infatti l-aħħar waħda, li tagħlaq 12-il sena ta’ suċċessi għal total ta’ 279 puntata, ta’ din is-sensiela.

The Big Bang Theory rebħet bosta unuri til is-snin, fosthom 7 Emmy Awards, li huma l-Oscars tat-televżjoni Amerikana. Jim Parsons li jinterpreta lil Sheldon kien rebaħ ukoll il-Golden Award bħala l-Aqwa Attur f’serje komika fl-2011.

B’kollox is-sensiela rebħet 56 unur differenti mill-216 nominazzjoni li kellha.

Kienu bosta dawk li ħassewhom diżappuntati li s-serje twaqqfet ma’ dan l-istaġun minħabba li għadha tgawdi popolarita’ kbira u ħassew li hemm bosta stejjer li setgħu jkompli jiżvolġu waqt li hemm stejjer li tħallew bla konklużjoni fosthom it-tqala tal-karattru ta’ Penny.

Ġiet eskluża l-possibilita li jkun hemm spin off li tkompli mas-sensiela preżenti għax sa’ mill-2017 hemm diġa prequel bbażat fuq il-karattru ta’ Sheldon Cooper bl-isem ta’ Young Sheldon, li diġa ġiet estiża għal żewġ staġuni oħra.