Ritratti: “Hemm bżonn promozzjoni dinjituża għall-Ġgantija” – Coleiro Preca

Ilbieraħ f’Għawdex sar l-ewwel ballu tal-President fil-Ġgantija.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Presidenza tagħha se tkun qed tagħti viżibilità lil Għawdex.
Coleiro Preca qalet li anke l-għażla tal-Ġgantija hija importanti u saħqet li dan il-patrimonju ma jistax jibqa’ moħbi għat-turisti li jżuruh filgħodu. Żiedet li l-Ġgantija, meqjus bħala wirt dinji mill-UNESCO, jingħata promozzjoni biex tingħata esperjenza edukattiva u storika.
Kompliet billi rringrazjat lil dawk kollha li attendew u li għenu biex issir l-attività nazzjonali b’risq il-Malta Community Chest Fund f’Għawdex. Spjegat li attivitajiet bħal dawn jgħinu biex jitkabbar il-fond nazzjonali biex tingħeleb il-marda tal-kanċer.
Waqt l-attività ħadu sehem diversi gruppi li esponew l-identità Għawdxija. Fost dawn kien hemm il-grupp folkloristiku Astra, il-grupp Folkloristiku Mnarja, l-Għaqda Folklor Xagħri, l-Aurora Folk Group u x-Xagħra Historical Reanactment Organisation.