Il-coronavirus kabbret il-fiduċja fl-UE

Il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea żdiedet minn meta feġġet il-pandemija tal-coronavirus skont stħarriġ li għadu kemm ħareġ. Ferm interessanti kien il-fatt li l-istess stħarriġ, li sar mill-aġenzija Eurofound, wera’ li n-nies kellha iżjed fiduċja fl-Unjoni Ewropea milli fil-gvernijiet nazzjonali.

Malta hija waħda milll-pajjiżi fejn il-fiduċja fl-Ewropa kienet ferm ogħla minn dik espressa fil-gvern. Fil-fatt, il-punteġġ li ngħata lill-gvern kien wieħed baxx ħafna tant li lanqas biss laħaq in-nofs.

Dan l-istħarriġ juri b’mod ċar li teżisti rabta mal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja, fejn il-livelli ta’ fiduċja kien ogħla f’dawk il-pajjiżi li ngħatatilhom iżjed għajnuna finanzjarja. U għalkemm kien hemm sforzi ta’ misinformazzjoni minn pajjiżi ‘l barra mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mir-Russja u miċ-Ċina, l-istħarriġ wera’ li l-akbar żieda fil-fiduċja fl-UE kienet rappurtata fil-pajjiżi li l-iżjed batew minħabba l-pandemija jiġifieri l-Italja u Spanja.

Mill-banda l-oħra, kien hemm tnaqqis fil-fiduċja fid-Danimarka, l-Olanda u l-Isvezja, tlett pajjiżi fejn il-gvernijiet tagħhom ma kienux lesti jaċċettaw għajnuna f’forma ta’ kontributi ta’ flus iżda għażlu li jsellfu.

L-istħarriġ ħares ukoll lejn l-impatt tal-pandemija b’konklużjoni partikolari li ffukat fuq iż-żgħażagħ li iżjed minn problemi finanzjarji, l-iżjed ħaġa li affettwathom kienet li ma setgħux imorru fejn iridu. Huma ħassewhom iżjed “maqtugħin mis-soċjetà” u “għadhom ma rnexxilhomx jirpiljaw mill-effett mentali li l-pandemija kkawżatilhom,” qalet l-aġenzija Eurofound.

L-istħarriġ iħares ukoll lejn il-mod kif in-nies kienet l-iżjed affettwata mill-pandemija fejn ovvjament, dawk li m’għandhomx impjieg huma l-iżjed inkwetati bis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Sitta minn kull għaxra, qalu li ma rċevew l-ebda forma ta’ għajnuna finanzjarja formali minn meta bdiet il-pandemija u li ħafna drabi, dawn kellhom jiddependu biss fuq għajnuna informali.

L-istħarriġ, li ffoka l-iżjed fuq aspetti soċjali u dawk relatati mal-impjiegi, sar fl-istati membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u involva iżjed minn 91,000 ruħ.