Il-Familja Rjali u Malta…storja ta’ stima reċiproka tul is-snin

Parti sostanzjali mill-membri tal-Familja Rjali se jkunu qed iqattgħu tmiem il-ġimgħa li ġej f'Malta fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-mexxeja tal-Commonwealth.
Kif kien tħabbar f'Marzu li għadda, b'kollox se jkunu erbgħa il-membri tal-Monarkija Ingliża li se jżuru pajjiżna; ir-Reġina Eliżabetta, id-Duka ta' Edinburgh – il-Prinċep Filippu, il-Prinċep ta' Wales – Prinċep Karlu u d-Dukessa ta' Cornwall Kamilla Parker Bowles.
Waqt iż-Żjara Statali kif ukoll waqt il-laqgħat u l-appuntamenti individwali tad-Duka ta' Edinburgh, il-Prinċep ta' Wales u d-Dukessa ta' Cornwall, il-Familja Rjali se tkun qed tiċċelebra u ġġedded l-affezzjoni u l-istima li dejjem kellha għal Malta: il-poplu tagħha, l-istorja ta' pajjiżna u l-ġejjieni tal-gżejjer Maltin.
Ir-Reġina Eliżabetta u l-Prinċep Filippu mistennija jaslu Malta nhar il-Ħamis li ġej wara nofsinhar fejn se jkunu milqugħa mill-Prim Ministru Joseph Muscat fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.
Il-Prinċep Karlu u d-Dukessa Kamilla se jaslu Malta ftit tal-ħin qabel u minnufih jibdew bil-programm ta' żjarat li għandhom imħejjija.
Qabel jaslu fil-Palazz ta' Sant'Anton, ir-Reġina u d-Duka ta' Edinburgh se jkunu qed jattendu għal ċerimonja ta' merħba mill-President ta' Malta fi Pjazza San Ġorġ il-Belt.
Il-programm uffiċjali tal-laqgħa taċ-CHOGM jibda l-Ġimgħa filgħodu f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.