“Waqqgħu l-libelli kollha li ftaħtu lil Daphne” – MEPs lill-Gvern Malti

Membri fil-Parlament Ewropew appellaw lill-Gvern Malti sabiex jiftaħ inkjesta indipendenti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia filwaqt li jitolbu għall-irtirar tal-libelli kollha tal-Membri Parlamentari Maltin kontriha u kontra familtha.

Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili fi ħdan il-Parlament Ewropew kiteb abbozz ta’ reżoluzzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-grupp li qed isegwi s-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fis-Slovakkja u Malta wara l-assassinji tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová.

L-MEPs iddenunzjaw li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu huma l-uniċi żewġ uffiċjali għolja ta’ Gvern Ewropew li nstab li huma sidien benefiċċjarji ta’ entitajiet legali żvelati fuq il-Panama Papers. L-MEPs insistew li kull tip ta’ rabta bejn il-Gvern u strutturi dubjużi bħal Egrant u 17 Black għandhom jiġu investigati. L-MEPs komplew billi għamlu referenza għal-lista ta’ punti ta’ kritika tal-Kummissjoni Venezja u ħeġġew lill-Gvern Malti u l-Parlament sabiex jimplementa r-rakkomandazzjonijiet mingħajr eċċezzjoni.

L-MEPs għamlu wkoll referenza għall-bejgħ tal-passaporti u talbu lill-Gvern Malti sabiex itemm dan il-bejgħ mingħajr aktar dewmien. Sostnew li programmi tat-tip joħolqu riskji kbar għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jirriżulta fil-bejgħ taċ-ċittadinanza Ewropea.

“Inkwetati dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni”

Il-Membri Parlamentari Ewropej jinsabu inkwetati dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità u l-imprazjalità tal-awtoritajiet kif ukoll l-indipendenza tal-Qrati f’Malta u s-Slovakkja.

L-MEPs ikkundannaw l-isforz ta’ numru ta’ Gvernijiet ta’ Stati Membri Ewropej li sostnew qed jaħdmu sabiex idgħajjfu s-salta tad-dritt, is-separazzjoni tal-poter u l-indipendenza tal-ġudikatura. Insistew li l-assassinji ta’ Caruana Galizia, Kuciak u anke ta’ Viktoria Marinova fil-Bulgarija ħallew effett inkwetanti fuq il-ġurnalisti madwar il-pajjiżi Ewropej.

40 vot favur l-abbozz

L-abbozz ta’ riżoluzzjoni għaddiet mill-Kumitat b’40 vot favur, seba’ kontra u sitt astensjonijiet. L-abbozz se jitressaq fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu fis-sezzjoni plenarja li se ssir bejn il-25 u t-28 ta’ Marzu.