Waqqfu lil min qed jaħtaf il-foresta tal-Amażonja

L-effett tal-isfruttar bla rażan tal-foresta tal-Amazonia

Fid-Daħla ta’ ktieb ġdid li se jkun publikat qabel is-Sinodu dwar l-Amażonja li se jsir f’Ottubru, il-Kardinal Brażiljan Claudio Hummes jirrifletti dwar “Metodi ġodda ta’ Żvilupp” u l-perikli li qed jiffaċja r-reġjun tal-Amazonia.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet mistenni jiftaħ fil-Vatikan fis-6 ta’ Ottubru.  Fid-dokument preparatorju, hemm taqsima sħiħa dedikata għad-“dimensjoni ekoloġika” tal-Amażonja.  Id-dokument jgħid li “mill-aspett tal-ambjent, l-Amazoni hi l-pulmun tal-pjaneta u wieħed mill-akbar siti ta’ biodiversità fid-dinja”.

Mudelli kolonjali ta’ żvilupp

Il-Kardinal Hummes, fil-ktieb jiżviluppa din it-tema u jikkundanna dak li hu jsejjaħ mudelli ta’ żvilupp “imposti mill-awtoritajiet pubbliċi u l-interessi ta’ kumpaniji privati li huma ri-edizzjoni tal-kolonjaliżmu”.

“Il-forsta tal-Amażonja hi meqjusa  biex isservi ta’ riserva immensa minn industriji ta’ kull tip”, kiteb il-Kardinal.  Hu ddeskriva dan bħala “attività ta’ ħtif” u jwissi li bil-qerda tal-foresti u l-inkwinament, il-biodiversità sinjura u kumplessa ta’ dan l-ambjent ħaj, qed tintilef.

Mudelli ġodda ta’ żvilupp

Dawn l-effetti diżastrużi anqas huma limitati biss għall-ambjent immedjat imma “bħala konsegwenza diretta ta’ dawn l-azzjonijiet, eluf ta’ nies kienu sfurzati jemigraw minn arthom” kiteb il-Kardinal. “Meta jiġri hekk il-maġġoranza tagħhom  jiftaqru, jitwarrbu, jintrenew fiż-żibel fl-iskuża tal-progress”.

Il-Kardinal ikompli jispjega kif is-Sinodu dwar l-Amażonja “se jkollu l-isfida li jifformula u jipproponi mudelli ġodda ta’ żvilupp”.  Filwaqt li l-Knisja m’għandhiex il-kompetenza li tifformula dawn il-mudelli, tista’ tikkundanna “il-ħażin li qed jikkaġuna il-mudelli attwali u tindika prinċipji li jitgħu dawl għall-formulazzjoni ta’ mudelli ġodda u tistimula l-implimentazzjoni u t-tħaddim tagħhom.”.

Konsegwenzi diżastrużi

Meta l-Papa Franġisku indirizza lill-Isqfijiet Barżiljani f’Rio de Janeiro fl-2013, iddeskriva l-mudelli attwali tal-ħtif ta’ partijiet mill-foresta f’termini ta’ “persuni bil-bagalji lesti biex jitilqu wara li jesplojtjaw dak kollu li hemm x’tesplojtja u jħallu warajhom ħerba u distruzzjoni sħiħa”.

Ħaġa waħda hi ċerta, temm jgħid fid-Daħla tal-ktieb il-Kardinal Hummes “Jekk il-mudell attwali ta’ żvilupp fl-Amażonja se jkompli, ir-reġjun kollu jispiċċa distrutt, bil-konsegwenzi diżastrużi li wieħed jista’ jimmaġina”.