Waqqfu l-massakru u pproteġu lin-nies – Repubblika lill-Gvern

L-għaqda Repubblika qalet lill-Gvern biex iwaqqaf il-massakru fl-industrija tal-kostruzzjoni u biex jipproteġi lill-ħaddiema u lir-residenti.

Fi stqarrija Repubblika qalet li 24 siegħa wara l-mewt tal-aħħar vittma tal-industrija tal-kostruzzjoni l-pubbliku għadu ma ġiex infurmat dwar x’azzjoni konkreta se tittieħed. Fakkret li erba’ xhur ilu l-Gvern kien ħatar kummissjoni biex tħejji proposti għat-tibdil fl-industrija biex titjieb is-sigurtà.

Repubblika kkundannat il-mewt tal-vittma. Qalet li huwa vittma tal-iżvilupp bla rażan f’Malta. Minkejja li mietu n-nies u li familji tilfu d-djar xejn ma nbidel.

L-għaqda qalet lill-Gvern li ma jistax jibqa’ għami quddiem din is-sitwazzjoni.

Sitwazzjoni xokkanti – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li s-sitwazzjoni fil-qasam tal-kostruzzjoni hija waħda xokkanti. Fakkret li din kienet ir-raba’ mewt relatata mal-kostruzzjoni din is-sena.

“Il-pajjiż ma jistax jaċċetta dawn il-fatalitajiet bħala ħsara kollettorali ta’ industrija ta’ suċċess,” qalet il-Kamra.

Kompliet tgħid li l-azzjonijiet li ttieħdu mill-2019 għadhom ma sarfu f’xejn.

Tenniet li l-industrija tal-kostruzzjoni għandha tiġi regolata mill-istat. Qalet li l-aħħar mewt hija r-riżultat ta’ sistema regolatorja fqira.

Filmat: Ħaddiem imut f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla

Ħaddiem tilef ħajtu filwaqt li ieħor jinsab fil-periklu tal-mewt hekk kif iġġarraf sit ta’ kostruzzjoni fi Sqaq l-Erwieħ f’Bormla. L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-8am.

Kelliem għall-Pulizija fuq il-post tal-inċident qal ma’ Newsbook.com.mt li ġġarraf ċint meta fis-sit kien qed isir xogħol ta’ skavar u tqattigħ ta’ blat. Il-ħaddiem li tilef ħajtu għandu 32 sena. Il-ħaddiem l-ieħor li qed jissielet għal ħajtu għandu 35 sena. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.