Waqqfu l-kriżi umanitarja abbord l-Etienne – UNCHR u entitajiet oħra

CSDM

Read in English.

L-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Maqgħuda (UNHCR), l-Kamra Internazzjonali tal-Merkanzija (ICS) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) qed jitolbu għall-iżbark immedjat tas-27 persuna salvati abbord il-bastiment tal-merkanzija Entienne. Huma qed jappellaw biex titwaqqaf din il-kriżi umanitarja abbord il-bastiment tal-kumpanija Maersk li bħalissa jinsab ankrat ftit ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin.

L-entitajiet sostnew li l-gvernijiet qed imorru kontra l-liġi internazzjonali billi jirrifjutaw l-iżbark ta’ dawn l-immigranti. Sostnew kif l-ekwipaġġ tal-bastiment qasmu l-ikel, ix-xorb u l-kutri ma’ dawk salvati. Dawn iżda mhux imħarrġa biex jipprovdu l-assistenza medika u rrimarkaw li bastiment kummerċjali ma jistax joffri ambjent sigur għal persuni vulnerabbli li għandhom bżonn port sigur immedjat.

L-ICS talbet lill-International Maritime Organization sabiex tintervjeni b’mod urġenti u toħroġ messaġġ ċar li l-istati kollha għandhom jassiguraw li inċidenti marittimi ta’ tiftix u salvataġġ għandhom ikunu riżolti skont ma tgħid il-liġi internazzjonali. Il-liġi internazzjonali u l-konvenzjonijiet marittimi jobbligaw bastimenti u stati kostali biex jassiguraw li persuni f’periklu fuq il-baħar ikunu salvati u jitniżżlu fuq l-art f’port sigur. L-għaqda qalet li l-Maersk Etienne qeda r-responsabbiltajiet tiegħu u issa sab lilu nniffsu f’logħoba dipplomatika ta’ “pass the parcel”.

“Il-kundizzjonijiet sejrin għall-agħar b’mod rapidu, ma nistgħux nibqgħu nistennew lill-gvernijiet li qed jinjoraw lil dawn il-persuni,” qal Guy Platten, is-Segretarju Ġenerali tal-ICS. “Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Għandna bżonn gvernijiet li jwettqu l-obbligi tagħhom. Iż-żmien qed jgħaddi u r-responsabbiltà għas-sigurtà ta’ dawn il-persuni hija f’idejn il-ministri fil-gvern. Din mhix relatata mal-COVID; din hija problema umanitarja.”

Intant, Filippo Grandi, il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda qal li s-salvataġġ fuq il-baħar huwa imperattiv bażiku umanitarju. “Il-Maerks Etienne qeda l-obbligi marittimi tiegħu u pprevjena aktar mewt fil-Mediterran. L-Unjoni Ewropea u l-Istati membri għandhom jagħmlu l-parti tagħhom biex ikomplu s-salvataġġ billi jħallu li jsir l-iżbark. Għandhom ukoll juru solidarjetà qalb l-istati, partikolarment permezz ta’ mekkaniżmi ta’ rilokazzjoni effettivi u prevedibbli.”

Aktar kmieni llum, l-NGO Alarm Phone ikkundannat in-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-Gvern Malti fejn jidħol is-salvataġġ ta’ 27 immigrant li jinsabu abbord il-bastiment Maersk Etienne u li issa ilhom hemm għal aktar minn xahar.