Waqqfu l-ġlied ta’ bejnietkom u ħudu lura artkom

Din it-twissija lill-Insara Iraqini għamilha il-Patrijarka Louis Raphael Sako fejn wissihom biex flok joqgħodu jaħlu l-ħin jitlewmu bejniethom għandhom jieħdu lura arthom qabel jaħtafha xi ħadd ieħor.
“Issa hu ż-żmien li nieħdu lura art missirijietna u l-antenati tagħna u niġbru lura l-identità, l-istorja u l-wirt ta’ pajjiżna”, qal il-Patrikjarka fuq is-sit elettrniku tal-Knisja fejn qal ukoll li “t-triq biex neradikaw l-ISIS mir-reġjun hi twila u iebsa qabel ikun jista’ jinbenda dak li tfarrak u qabel jista’ jkun hemm il-paċi, l-istabilità u s-sigurtà”.
“Qed ngħixu fi żmien ta’ sfida għall-Insara li huma msejjħa biex iġeddu l-impenn etiku u morali tagħhom, jikkonfermaw il-preżenza tagħhom u jieħdu lura ħwejjiġhom u  jitolbu kumpens għal dak li tilfu u fl-istess waqt jassiguraw li jkunu protetti mill-Gvern Ċentrali Iraqi u l-komunità internazzjonali”.
Il-Patrijarka jelenka tliet affarijiet li hemm bżonn isiru. Jingħaqdu l-isforz biex jerġgħu jinbnew id-djar u l-infrastruttura biex ikun aktar faċli biex dawk li kienu evakwati jirritornaw; jinħoloq tim ta’ bejn 7 u 10 politiċi għarfa li jieħdu ħsieb jitkellmu mal-awtoritajiet lokali u internazzjonali dwar kooperazzjoni u solidarjetà u jaħdmu b’mod effettiv ma’ Musulmani u gruppi etniċi oħra fir-reġjun; u jinħolqu uffiċċju ċentrali tal-Informazzjoni li jgħin lill-insara isemmu leħinhom u t-tbatijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom magħrufa.
“Il-Knisja”, żied jgħid il-Patrijarka Sako, “mhux se tieħu post il-politiċi leali. Għandha sehem importanti fil-ħajja tan-nies billi tgħid il-verità dwar materji pubbliċi, partikolarment fejn jidħlu il-paċi, il-ġustizzja u l-bżonn li kull ċittadin ikollu ħajja dinjituża. Il-Knisja tkompli tħobb u sservi lill-poplu, fuq il-passi tal-fundatur tagħha, Sidna Ġesù Kristu”.