Waqqfu l-bejgħ tal-passaporti – Kumitat Ewropew

Read in English.

Kumitat Ewropew sejjaħ għall-waqfien mill-bejgħ tal-passaporti fl-Unjoni Ewropea (UE).

Fi stqarrija, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew (EESC) qal li skemi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment iġorru riskji serji u għandhom jiġu pprojbiti madwar l-UE.

L-EESC qalet li fl-aħħar għexieren ta’ snin il-kriżi finanzjarja skattat bżonn biex ħafna pajjiżi tal-UE iżidu d-dħul tagħhom. Dawn bdew skemi li jippermettu lil persuni barranin ikollhom aċċess għal ċittadinanza Ewropea jew residenza talli jkunu għamlu investiment sinifikanti fit-tali pajjiż. Skemi bħal dawn huma magħrufa bħala dawk tal-passaporti jew visas “tad-deheb”.

L-EESC qed tappella lill-pajjiżi biex iwaqfu dawn l-iskemi jew jipprovdu argument raġonevoli għalfejn m’għandhomx jagħmlu hekk. L-EESC qablet ma’ rapport li tħejja mill-Parlament Ewropew li sejjaħ biex dawn l-iskemi jieqfu kemm jista’ jkun malajr.

Skont il-kumitat, dawn l-iskemi jġibu magħhom riskji bħal ma huma l-ħasil tal-flus, il-governanza ħażina, nuqqas ta’ trasparenza, u evażjoni tat-taxxa.

Malta għandha ħames membri fuq dan il-kumitat li huma Stefano Mallia, Benjamin Rizzo, Charles Vella, Philip von Brockdorff, u Tony Zahra. Dawn ġew nominati mill-Gvern Malti. Mhux magħruf jekk ivvotawx favur jew kontra din l-opinjoni tal-EESC li ġiet approvata f’Ottubru.

Il-Parlament Malti kien approva l-bejgħ tal-passaporti fl-2013, ftit xhur wara li tela’ l-Gvern Laburista fil-poter. Il-Partit Laburista ma kienx ħabbar din l-iskema fil-manifest elettorali tiegħu. Dak iż-żmien sondaġġi kienu sabu li 53% tal-Maltin kienu kontra l-iskema filwaqt li 26% kienu favur.

Malta tinsab fost 21 pajjiż, li skont The Guardian jinsabu fuq ‘blacklist’ għax joffru xi tip ta’ skema ta’ bejgħ tal-passaporti, għax skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) dawn l-iskemi jimminaw sforzi internazzjonali biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa.

Malta fuq ‘blacklist’ minħabba l-bejgħ tal-passaporti – OECD

F’Ottubru l-Partit Nazzjonalista qal li wara li ħarġet l-aħbar minn The Shift li persuna li xtrat il-passaport Malti qed taffaċċja akkużi serji fl-Istati Uniti tal-Amerika u f’Iżrael, l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza qed tkompli tirvina r-reputazzjoni ta’ Malta.

“Il-bejgħ tal-passaporti qed ikompli jirvina lil Malta” – Il-PN