“Waqqfu l-attivitajiet, agħlqu l-bars u agħmlu t-testijiet lit-turisti” – uffiċjali tas-sanità

Miguela Xuereb

Read in English.

L-uffiċjali tas-sanità, li jagħmlu spezzjonijiet biex jaraw li n-nies isegwu r-regoli tal-kwarantina u li l-istabbilimenti jimxu mar-restrizzjonijiet, appellaw lill-Gvern biex iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa kompletament, jagħlaq il-bars u l-klabbs, u jibda proċedura li t-turisti kollha li jiġu Malta jagħmlu t-test tal-coronavirus mal-wasla tagħhom.

Fi stqarrija fuq Facebook, l-Assoċjazzjoni tal-Uffiċjali tas-Sanità qalet li l-uffiċjali tagħha ilhom aktar minn 150 jum jaġixxu ta’ frontliners fil-gwerra kontra l-coronavirus. Xogħolhom ġie deskritt bħala sigħat twal, iżolament minn qrabathom, tibdil fl-ambjent tax-xogħol, fil-kollegi u fl-obbligi tagħhom.

L-Assoċjazzjoni stqarret li mill-bidu nett, hija kienet qed tappoġġja lill-membri tagħha, u tinsab kburija b’dak kollu li kisbu f’dawn l-aħħar ħames xhur. Madankollu, issa li Malta tinsab fit-tieni mewġa, l-Assoċjazzjoni tosserva li appell li għamlet hi lill-Gvern f’Mejju li għadda biex ikun kawt meta jibda jneħħi r-restrizzjonijiet, ġie injorat kompletament. B’konsegwenza ta’ dan, issa, l-uffiċjali qegħdin jagħmlu ħafna aktar xogħol minn qatt qabel billi n-numri żdiedu, qegħdin iwettqu spezzjonijiet tard billejl jew kmieni filgħodu fl-istabbilimenti biex jassiguraw li n-nies jilbsu l-maskri, u jimxi mal-miżuri.

X’qalu l-uffiċjali tas-sanità fil-bidu tal-pandemija?
Uffiċjali mbiegħda minn familthom għax jagħmlu l-ispezzjonijiet tal-kwarantina

Għaldaqstant, huma jixtiequ li l-Gvern iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa, jagħlaq il-bars u l-klabbs u jagħmilha obbligatorja li t-turisti jagħmlu test tal-coronavirus mal-wasla tagħhom f’Malta. Apparti dan, l-Assoċjazzjoni semmiet kif jeħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi umani jew jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’diversi oqsma, bħal fiċ-ċentri tat-testijiet u fil-qasam tal-contact tracing.

Mil-lum, ir-restrizzjonijiet li tħabbru ftit aktar minn ġimgħa ilu dwar l-attivitajiet tal-massa, issa japplikaw ukoll għall-bars, il-klabbs u d-diskoteki. Dan ifisser li jrid ikun hemm erba’ metri kwadri għal kull persuna ġol-istabbiliment, u hemm ukoll limiti fuq l-għadd ta’ nies permessi fuq barra u fuq ġewwa.

Illum Malta kellha l-akbar numru ta’ każijiet tal-coronavirus f’ġurnata, billi nstabu 55 każ ġdid. Dawn tellgħu t-total ta’ każijiet attivi għal 528. Dan l-għadd kbir ta’ każijiet instab billi sar numru rekord ta’ testijiet li kważi laħaq l-2,500 test.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn