Waqqajt il-libell kontra qalbi – Schembri

Read in English.

Ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru qal li waqqa’ l-libell kontra Simon Busuttil kontra qalbu. Dalgħodu fil-Qorti Keith Schembri rrifjuta li jwieġeb id-domandi li sarulu.

Fi stqarrija, Schembri qal li wara l-kawża ta’ dalgħodu li fiha waqqa’ l-libell li fetaħ hu stess kien hemm rapproti żbaljati minn uħud mill-mezzi tax-xandir. Il-Kap tal-PN qal li Schembri għandu jitkeċċa.

Schembri allega li Busuttil qal affarijiet malafamanti dwaru f’Marzu tal-2016.

Schembri rtira l-libell dwar 17 Black wara seduta mqanqla fil-Qorti tal-Maġistrati dalgħodu. Malli saritlu l-ewwel mistoqsija, Keith Schembri rrifjuta li jwieġeb fil-Qorti. Il-Maġistrat Victor Axiaq ordnalu jwieġeb u fakkru li jekk ma jagħmilx dan jista’ jkun hemm sanzjonijiet.

17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

“Dawn l-allegazzjonijiet malafamanti ma kienu bl-ebda mod marbuta mal-kumpanija 17 Black, u għalhekk il-proċeduri ta’ libell kienu jitrattaw allegazzjonijiet oħra li għamel Busuttil ferm qabel mal-allegazzjonijiet dwar 17 Black ħarġu fil-pubbliku,” qal Schembri.

“Fis-seduta ta’ dalgħodu l-Maġistrat Victor Axiak iddikjara li huwa kien joffri servizz legali lill-Kasco Group Ltd li jiena kont Direttur u li għadni shareholder tiegħu. Il-Maġistrat iddikjara wkoll li huwa kien joffri servizzi legali lid-ditta Nexia BT li huma l-awdituri tal-Kasco Group.”

“Kienet ta’ sorpriża li l-eks-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellux diffikultà fuq-dan il-punt, madankollu l-Avukati tiegħi u jien ħassejna li kellna nitlobu għar-rikuża tal-Maġistrat Victor Axiak sabiex meta l-Qorti eventwalment tiġi biex tagħti l-verdett finali, mhux biss issir ġustizzja imma tidher li qed issir ġustizzja mingħajr l-ebda dubju.”

“Il-Maġistrat Victor Axiak ċaħad it-talba tar-rikuża, u ċaħad anke t-talbiet sussegwenti tiegħi sabiex, l-ewwelnett, ma jkunx hemm xhieda li setgħet tippreġudika l-proċeduri li għaddejjin fl-inkjesti Maġisterjali mitluba minn Simon Busuttil u t-tieni, it-talba ta’ appell minn dik id-deċiżjoni.”

“Minħabba dawn il-fatti u fuq il-pariri li ngħatajt mit-tim legali tiegħi, jien kelli kontra qalbi nwaqqa’ l-imsemmi proċeduri ta’ libell minħabba li ħassejt li fil-proċeduri tal-llum, setgħu jiġu ppreġudikati d-drittijiet fundamentali u Kostituzzjonali tiegħi minħabba li għaddejjin Inkjesti Maġisterjali mitluba mill-istess Simon Busuttil.”

Schembri temm l-istqarrija tiegħu billi qal li diġà qed iwieġeb il-mistoqsijiet kollha f’dawn l-inkjesti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li peress li Keith Schembri ma riedx iwieġeb dwar il-kumpanija 17 Black fil-qorti hu għandu jitkeċċa.

Schembri għandu jitkeċċa – Delia