“Waqqaf l-iskema tal-passaporti” – Delia lill-PM

Aġġornat 04:51 PM

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li qed jirrifjuta li jikkonsulta dwar il-ħatra ta’ regolatur għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Delia kiteb fuq Facebook dalgħodu li informa lill-Prim Ministru Robert Abela li “wasal iż-żmien li nwaqqfu għalkollox l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.” Sostna li din l-iskema ħammġet ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Dalgħodu infurmajt lil Robert Abela li issa wasal iż-żmien li nwaqqfu għal kollox l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti;…

Posted by Adrian Delia on Friday, January 31, 2020

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni qalet li ma tara l-ebda ħtieġa li tkun ikkonsultata dwar il-ħatra ta’ persuna bħala Regolatur ta’ skema li għamlet u qed tkompli tagħmel ħsara kbira lil Malta.

L-Oppożizzjoni fakkret li fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew ġew irrappurtati u kkonfermati każijiet ta’ persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u li llum huma akkużati jew saħansitra misjuba ħatja ta’ reati serji fosthom ta’ ħasil ta’ flus, frodi, kuntrabandu, dħul minn korruzzjoni u evażjoni ta’ taxxa.

L-Oppożizzjoni insistiet li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti għandha titwaqqaf b’mod immedjat darba għal dejjem.

Il-Partit Laburista wieġeb fi stqarrija li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed juri irresponsabbiltà b’dan l-aġir.

Waqt il-kampanja tiegħu għal mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li jkun populist jekk jgħid li se jneħħi l-programm ta’ ċittadinanza.

Il-Kamra tal-Kummerċ dan ix-xahar ħeġġet lill-Gvern sabiex jissospendi din l-iskema.