Awdjo: Waqqaf il-kuntratt ma’ Steward – Il-MAM lill-Gvern

Aġġornat 04:26 PM

Read in English.

Il-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) għadha ma nbidlitx u temmen li l-Gvern għandu jwaqqaf l-emoraġija ta’ fondi pubbliċi u jittermina l-kuntratt ma’ Steward Healthcare, biex dawn jitilqu.

“Jekk il-Gvern minn naħa tiegħu jrid jgħaġġel u jibqa għaddej, mhux it-tobba se jbatu, imma l-pazjenti”, qal waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103 il-President tal-MAM Martin Balzan.

Il-President tal-MAM kien qed jirreaġixxi għall-aħħar żviluppi fil-kwistjoni tal-involviment tal-kumpanija Steward Healthcare fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar San Luqa.

Dr Balzan qal li l-ftehim falla għax sa issa l-Gvern ħareġ il-flus pubbliċi u ma rajna xejn, għajr l-iskola ta’ Barts, li hija mmexxija mill-privat.

Huwa ddeskriva l-attentat ta’ rinegozjar minn Steward Healthcare bħal pożizzjoni ta’ xi ħadd li qed jgħidlek m’għamilt xejn imma rrid iktar flus.

Balzan kompla li l-preżenza tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat fil-laqgħa ma għamlitx ġid. Huwa qal li l-Prim Ministru jgħidlu li l-flus li għandhom jingħataw lil Vitals għandhom imorru lejn il-pazjent.

“Il-pożizzjoni tagħna li konna għamilniha ċara mal-Ministru Fearne qabel l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Laburista u l-kriżi politika baqgħet dik li hi u ma nbidlitx”, żied jgħid.

Saħaq li “flus il-poplu għandhom jintefqu bilgħaqal. Jekk il-Gvern, irid jgħaġġel u jgħaddi minn fuq rasna, il-pazjent se jbati u mhux it-tobba. Aħna se nirriservaw il-pożizzjoni tagħna”

Il-Kamra tal-Kummerċ titlob kjarifika

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ talbet kjarifika mill-Gver dwar il-laqgħat li Muscat kellu ma’ Steward Healthcare.

Il-Kamra qalet li l-Gvern għandu jiffoka fuq kif jista’ jimmassimizza l-effiċjenzi mill-ftehim “kontroversjali”.