Waqqaf il-karozzi b’sikkina f’idu; jinżamm arrestat

sikkina serqa arrestat

Raġel li allegatament ipprova jwaqqaf lis-sewwieqa b’sikkina f’idu f’Ħal Lija l-Ħadd li għadda qed jinżamm arrestat.

Il-Libjan ta’ 25 sena li joqgħod il-Ħamrun ġie arrestat il-Ħadd fid-9.20pm, hu u jipprova jwaqqaf il-karozzi fi Triq il-Mosta f’Ħal Lija.

Permezz tal-azzjonijiet tiegħu, hu kkawża inċident b’mutur, għaliex is-sewwieq tal-mutur ħabat, waqa’ minn fuq il-mutur u sofra minn ġrieħi serji.

L-allegat aggressur beda jaġixxi b’mod aggressiv mal-pulizija meta dawn arrestawh, hu u jistenna l-ambulanza biex tieħdu l-isptar. Fl-isptar, allegatament insulenta lill-pulizija li kien qed jakkumpanjah.

Ir-raġel, li deher b’siequ nfaxxata fil-qorti, xehed mhux ħati għal attentat vjolenti ta’ serq, li b’mod involontarju kkawża ġrieħi lis-sewwieq tal-mutur, u li kkawża ħsara lil propjetà terza.

Kien akkużat ukoll li kien qed iġorr sikkina mingħajr il-liċenzja tal-pulizija, li tellef il-paċi pubblika, li insulenta lill-uffiċjali tal-pulizija u li rrifjuta li jobdi l-ordnijiet li ngħatawlu.

Il-Prosekutur qal li dan l-att kien att kriminali kontra s-soċjetà. L-akkużat xehed mhux ħati, iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, u qed jinżamm arrestat.