“Waqqa’ l-libelli ċivili kontra Daphne” – Il-Kunsill tal-Ewropa lill-PM

Read in English.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kunsill tal-Ewropa kitbet lill-Prim Ministru (PM) Joseph Muscat biex jaqgħu t-30 każ ta’ libell ċivili kontra Daphne Caruana Galizia.

Dunja Mijatović saħqet li dawn il-libelli jqajjmu problemi kemm għall-familja ta’ Daphne, kif ukoll għall-protezzjoni tal-libertà tal-midja, u għas-saltna tad-dritt f’Malta. Il-Prim Ministru rrisponda billi qal li biex jaqgħu dawn il-libelli, se jkun hemm problema bid-dritt ta’ smigħ xieraq. Għalhekk, ħeġġiġha biex isibu soluzzjoni komuni Ewropea.

“Wieħed mill-każijiet huwa tiegħek stess” – Il-Kummissarju

Fl-ittra tagħha lill-Prim Ministru, il-Kummissarju qajjmet il-punt li wieħed mill-każijiet ta’ libelli ċivili huwa tal-PM stess. Saħqet li din tqajjem mistoqsijiet dwar ix-xewqa tal-awtoritajiet Maltin biex isibu min għamilha. Dan minħabba l-pressjoni psikoloġika u finanzjarja li qed ipoġġu l-libelli fuq familtha.

Aqra: “Waqqgħu l-libelli kollha li ftaħtu lil Daphne” – MEPs lill-Gvern Malti

Il-Kummissarju spjegat li skont il-liġi f’Malta, l-obbligu tal-prova fil-każ ta’ Daphne jaqa’ fuq il-werrieta. Dan ifisser li l-familja tagħha trid tagħti prova li hi innoċenti. Skont Mijatović, din hija problema għad-dritt tal-protezzjoni ta’ sorsi ġurnalistiċi. Qalet ukoll li Daphne kienet qed titkellem fuq korruzzjoni u għalhekk jiġi każ ta’ interess pubbliku. Minħabba f’hekk, saħqet li l-Qorti Maltija għandha tikkunsidra li minflok, Daphne tiġi kkunsidrata mhux ħatja sakemm jidher prova li hi.

Aqra: Assassinju Daphne: L-armel stenna li jitwaqqgħu l-libelli

Ikkonkludiet billi qalet lill-PM biex jirranġa l-liġijiet li hemm bżonn, u biex il-Gvern iwaqqa’ l-każijiet ta’ libelli ċivili kontra Daphne. Skontha, dan se jkun sinjal tal-impenn tiegħu u tal-Gvern biex jipproteġu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni.

“Inwaqqa’ l-każ meta jaċċettaw s-sejbiet t’Egrant; kollox ġie ppubblikat” – Il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb dwar il-każ tiegħu ta’ libell kontra Daphne. Qal li minn dejjem saħaq li kien lest iwaqqgħu jekk familtha jaċċettaw ir-riżultati tal-inkjesta dwar Egrant.

Aqra: Filmat: “Inwaqqa’ l-libell ta’ Daphne jekk il-familja taċċetta r-riżultat tal-inkjesta Egrant” – Muscat

Fl-ittra tiegħu qal li din l-inkjesta maġisterjali kienet prova li hu u familtu kienu innoċenti fl-allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia. Żied li r-riżultat kien ppubblikah l-Avukat Ġenerali.

Aqra: Inkjesta Egrant: L-AĠ iżomm ir-rapport sigriet; Delia jmur il-Qorti

Muscat fir-risposta tiegħu qal li l-Att tal-Midja u Defamazzjoni għadha kemm daħlet f’Malta fl-2018. Saħaq li daħlet fis-seħħ wara konsultazzjonijiet mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Qal li dan l-att neħħa libelli kriminali, poġġa ammont massimu ta’ €11,600 f’danni u pprovda kontra li jinfetħu numru ta’ libelli kontra ġurnalisti.

Barra minn hekk, l-att jipproteġi sorsi ġurnalistiċi aħjar għax jipproteġi ġurnaliżmu taċ-ċittadin. Qal ukoll li d-difiżi legali ġew immodernizzati biex jirriflettu dawk tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-PM kompla jżid li hu nfurmat li l-OSCE ma sabitx problema bil-fatt li libelli ċivili jirtuhom l-familja. Apparti, qal li jekk iwaqqa’ l-każijiet mingħajr kumpens minħabba mewt, tqajjem problema differenti. Din hija li jkun hemm problema bid-dritt għal smigħ ġust. Minħabba f’hekk, il-Gvern ma jistgħax jindaħal f’każijiet ċivili kontra ġurnalista mejta, jekk min qed jiddefendi aċċetta li jieħu l-wirt. Minħabba dan kollu, ħeġġiġha biex isibu soluzzjoni komuni Ewropea.

“Aħna mhux se naċċettaw użu ta’ rikatt” – Il-werrieta ta’ Daphne

Fi stqarrija, il-werrieta ta’ Daphne qalu li mhux se jaċċettaw l-użu ta’ rikatt. L-istqarrija qalet li dak huwa li wieġbu fil-Qorti meta l-PM qalilhom li jekk jaċċettaw ir-rapport t’Egrant, iwaqqa’ l-libell.

Ir-risposta formali tagħhom fil-Qorti kienet li m’għandhomx aċċess għar-rapport sħiħ tal-Avukat Ġenerali dwar Egrant. Dan ifisser li ma jafux numru ta’ xhieda x’qalu u x’jidher fit-tfittxijiet.

Aqra: L-AĠ jippubblika l-konlużjonijiet ta’ Egrant; mhux ir-rapport sħiħ

L-istqarrija spjegat li m’għandhomx aċċess għax-xhieda ta’ Daphne, u ta’ Maria Efimova. Barra minn hekk, m’għandhomx aċċess għax-xhieda ta’ Jacqueline Alexander. Jacqueline Alexander kellha tikkonferma jew tiċħad li ffirmat trust document fejn indikat lill-Michelle Muscat bħala l-ultimate beneficial owner ta’ Egrant. Karl Cini u Brian Tonna wkoll kellhom jagħtu xhieda dwar min kellu l-pussess tal-bearer share certificates li jirrapreżentaw 99% tal-ekwità ta’ Egrant Inc. u dwar f’isem min kienu.

Minħabba li m’għandhomx ir-rapport sħiħ tal-Avukat Ġenerali, m’għandhomx aċċess għar-rapporti tal-forensic accountants li eżaminaw l-operational database, kontijiet u arkivji
ta’ Pilatus Bank Ltd.