Waqqfuh għax ma kienx liebes iċ-ċintorin tas-sigurtà; isibulu d-droga

Żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie arrestat wara li nstab fil-pussess tal-kannabis. Oriġinarjament twaqqaf għax ma kienx liebes iċ-ċintorin tas-sigurtà fil-karozza li kien fiha.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ż-żagħżugħ li jgħix Birkirkara qed jinżamm arrestat.

Ilbieraħ għat-8pm waqt li l-Pulizija mid-Distrett tal-Belt Valletta kienu qegħdin jagħmlu ronda fi Triq Nofs in-Nhar, raw karozza u nnutaw li l-passiġġier ma kienx liebes iċ-ċinturin tas-sigurta’.

Il-Pulizija waqqfet il-karozza. Qam suspett li jista’ jkun hemm xi affarijiet kontra l-liġi u għalhekk il-Pulizija għamlet tfittxija fuq il-passiġġier, fuq ix-xufier, u fil-vettura.

Il-passiġġier instab fil-pussess tal-kannabis.

It-tfittxija kompliet fir-residenza fejn jgħix f’Birkirkara fejn hemmhekk il-Pulizija sabet oġġetti oħra relatati mal-użu tad-droga.