“Waqa’ 3 sulari fuq ix-xogħol; ġegħluh jigdeb li tajritu karozza”

Immigrant li joqgħod hawn Malta ġie mġiegħel mill-imgħallem tiegħu jgħid li weġġa’ f’inċident tat-traffiku u mhux billi waqa’ 3 sulari fuq il-post tax-xogħol.

Dan qalu Ahmed Bugre, li huwa d-Direttur tal-Fondazzjoni ta’ Xelter u Sapport għall-Immigranti meta kien mistieden fuq il-programm Follow-Up fuq RTK103FM tal-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju, ippreżentat minn Desmond Marmarà. Fid-diskussjoni li kienet dwar Malta kożmopolitana pparteċipa wkoll id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Andrew Azzopardi.

Bugre spjega li ċemplulu mill-Isptar Mater Dei biex jinfurmawh li dan l-immigrant kien qed jintbagħat id-dar, wara li kien imweġġa’ fl-għadam t’għonqu, f’għonqu u fi driegħu. Malli lemħu, Bugre ma setax jifhem kif dawn il-ġrieħi ġarrabhom b’inċident tat-traffiku, partikolarment il-ġrieħi li kellu fl-għadam t’għonqu. Qallu li kien mill-Ghana bħalu, u l-immigrant ħassu komdu jgħidlu li mhux veru weġġa’ f’inċident, iżda l-imgħallem tiegħu ġiegħlu jgħid hekk.

L-immigrant kien jaħdem f’sit tal-kostruzzjoni f’Buġibba u waqa’ 3 sulari. Il-kollegi tiegħu ħaduh l-isptar u ħallewh ħdejn l-entratura. L-ispejjeż mediċi telgħulu għal €5,000, u barra minn hekk, ma tħallasx ta’ xogħlu mal-imgħallem.

Bugre spjega d-diffikultà li għandu dan il-ħaddiem, għax m’għandux fejn jirrikorri biex jirrapporta din l-inġustizzja li saritlu, u fl-istess waqt, għandu bżonn il-flus biex jikri post fejn joqgħod u biex jiekol. Qal li jrid tal-inqas madwar €700 biex jikri maħżen jew garaxx. Qal li x’aktarx lill-immigrant, minħabba li hu immigrant, jittrattawh ta’ troublemaker u ma jgħinuhx. Huwa enfasizza li jeħtieġ li dan jinbidel.