Walt Disney tixtri Star Wars

Il-kumpanija Walt Disney xtrat l-ishma ta’ Lucasfilm, il-kumpanija responsabbli minn dak kollu marbut mas-serje ta’ films Star Wars.

Walt Disney ħallset erba’ biljun dollaru Amerikan. B’dan il-ftehim, Walt Disney se tibda tikkontrolla l-prodotti, kif ukoll il-produzzjoni tal-films relatati ma’ Star Wars.

Il-kumpanija Amerikana akkwistat ukoll mingħand George Lucas il-produzzjoni tal-effetti speċjali, l-industrija tad-dawl u fejn tiġi rrekordjata l-mużika tal-films. F’kummenti ftit wara li ntlaħaq il-ftehim ma’ Walt Disney, Lucas qal li kien wasal iż-żmien li Star Wars tgħaddi f’idejn produtturi oħra tal-films.

Intant Walt Disney ħabbret li fix-xhur li ġejjin se jibda l-ġbid tal-film il-ġdid ta’ Star Wars li mistenni joħroġ fiċ-ċinema fl-2015.