#walkaway…kampanja kontra l-vjolenza domestika

Tnediet il-kampanja edukattiva dwar il-vjolenza domestika bl-isem ta’ #Walkaway, li se tkun mifruxa fuq tliet xhur u hi immirata li tqajjem għarfien akbar fuq il-problema tal-vjolenza domestika li tista' tieħu diversi forom minbarra dawk fiżiċi. Dawn jinkludu abbużi verbali, psikoloġiċi, sesswali u emozzjonali.
Il-kampanja edukattiva qed tiġi organizzata mill-istazzjon tar-radju 89.7 Bay u ġiet imendija f’konferenza tal-aħbarijiet, mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli u l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia.
Il-Ministru Dalli semmiet kif fl-2013, il-Gvern mal-ewwel beda jaħdem biex jirratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul li titratta l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.
Qalet li f’dan il-baġit il-Gvern żied l-allokazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika kważi bid-doppju sabiex din tkun tista’ tkompli twettaq xogħol importanti f’dan il-qasam.
Spjegat kif għadhom kemm ġew konklużi taħdidiet biex il-vjolenza domestika tkun waħda mit-temi ewlenin li tkun diskussa tul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea li Malta se jkollha fl-2017.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Farrugia qal li f’dan il-qasam hemm bżonn ta’ iktar għarfien għax ir-rapporti li jsiru huma biss farka mir-realtà li teżisti.
Saħaq li l-biża’ li wieħed jirrapporta hi wkoll parti mir-realtà li ngħixu fiha.