Waħda mid-dgħajjes bejn Malta u l-Libja tinqaleb – SeaWatch

Aġġornat 07:10 AM
Arkivji: Twitter / Sea Eye

Read in English.

Waħda mill-erba’ dgħajjes li qed iġorru persuni li qed ifittxu l-ażil inqalbet fi triqitha lejn l-Ewropa. Fi tweet, Sea Watch li hija waħda mill-għaqdiet li jsalvaw il-ħajjiet qalet li l-Frontex sabu l-erba’ dgħajjes li aktarx kienu l-istess li kienu għamlu kuntatt ma’ Alarm Phone aktar kmieni. Waħda minn dawn id-dgħajjes kienet maqluba mingħajr ebda persuna fuqha. Għadu mhux magħruf kemm-il persuna kien hemm abbord.

Fuq l-erba’ ċatriet kien hemm grupp ta’ 72 persuna, ċatra oħra ta’ 47, oħra b’55 u l-aħħar waħda b’85 persuna abbord. Dawn ġew irreġistrati lbieraħ minn Sea Watch permezz tas-servizz telefoniku Alarm Phone

Sea Watch qalet li hija qed tassumi li għadd ta’ persuni mietu minħabba li ma kellhom l-ebda informazzjoni ta’ salvataġġ ta’ dawn il-persuni.

Alarm Phone li huwa n-numru tat-telephone li fuqu jċemplu dawk li jkunu f’diffikultà waqt li jaqsmu l-Meditterran ippubblika r-rotta tal-ajruplan tal-Frontex li qablet mal-postijiet li minnhom ġew irrappurtati d-dgħajjes tal-immigranti. Kien għalhekk li Alarm Phone appellat lill-Gvernijiet biex jieqfu jħarsu u jibdew jgħinu fis-salvataġġ.

Alarm Phone qalet li kienet tilfet il-kuntatt ma’ dawn l-erba’ gruppi li lkoll flimkien kienu qed iġorru mal-250 persuna.

F’Pozzallo jaslu 101 u jibqgħu deħlin

Fil-Port ta’ Pozzallo baqgħu deħlin grupp ta’ 101 immigrant hekk kif rapporti fil-midja Taljana qed iqisuh bħala miraklu. Dan hekk kif is-soltu gruppi ta’ immigranti jiddaħħlu abbord bastimenti navali jew bl-iskorta tal-Guardia Costiera.

Is-Sindku ta’ Pozzallo Roberto Ammatuna qal li ladarba jsiru l-protokolli tas-saħħa, dawn jiġu trasferiti f’ċentru fil-provinċja ta’ Ragusa.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’Ħadd il-Għid appella lill-Gvern biex isalva lit-trabi, lit-tfal u lill-ommijiet fi tqala biex jgħin lill-persuni vulnerabbli.