Waddab tazza u beżaq lil 4 pulizija f’San Ġiljan

Erba’ pulizija li ma kinux xogħol ġarrbu xi ġrieħi wara li raġel waddbilhom tazza.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.20 ta’ dalgħodu fi Triq Santu Wistin f’San Ġiljan.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn sabu li erba’ minn sħabhom ġarrbu xi ġrieħi f’Santa Rita Steps.
Waqt li grupp ta’ nies kienu jinsabu f’dan it-taraġ, raġel mhux magħruf, waddbilhom tazza.  Hekk kif wieħed mill-pulizija off duty, identifika ruħu li hu membru tal-Korp u qal lir-raġel biex jieqaf mill-għaġir tiegħu, dan beżaq fid-direzzjoni tagħhom.
L-istess raġel kellu wkoll sikkina f’idu.
Huwa prova jaħrab lill-Pulizija iżda nqabad minnufih.
Wieħed mill-erba’ pulizija sofra ġrieħi gravi, filwaqt li t-tlieta l-oħra ġarrbu ġrieħi ħfief.
Ritratt: Media Police