“Vuċi f’moħħi tridni mejjet” – Robbie Williams

Il-kantant famuż Robbie Williams qal li mhux l-ewwel darba li kien f’xifer il-mewt minħabba l-fatt li jgħid li għandu “vuċi f’moħħu” li jemmen li trid toqtlu.
Williams, li kien jifforma parti mill-grupp Take That, qal li sikwit jaħseb f’sieħbu George Michael u jgħid li kien ħa xokk kbir meta miet fl-2016.
Waqt intervista ma’ The Sun, Williams tkellem dwar kif kull jum li jgħaddi jkollu jaffaċċja battalja kontra l-mard mentali, liema marda ġġiegħlu jissabotaġġja lilu nnifsu.
Hu spjega kif is-sena l-oħra qatta’ sebat ijiem l-isptar għal kura intensiva wara li t-tobba sabulu dak li deher qisu demm f’moħħu u għaldaqstant qal li din is-sitwazzjoni werwritu.
Fil-passat, Williams iġġieled bosta battalji kontra l-ansjetà u l-vizzju madanakollu jisħaq li martu, Ayda Field dejjem kienet ta’ għajnuna għalih sabiex jibqa’ fit-triq it-tajba.
Ritratt: Hello Magazine