Vox Pop: Valletta 2018 “l-għira ta’ kulħadd” jew “storbju?” Iwieġbu l-Beltin

Kulħadd huwa kburi bil-belt jew ir-raħal fejn twieled. Bla dubju l-Beltin huma kburin bil-Belt Valletta u forsi juru dan b’xi ftit aktar entużjażmu minn ħaddieħor, kemm jekk futbol, festi jew Karnival.
Mal-lista, din is-sena l-Beltin għandhom oħra: Il-Valletta 2018.
Ftit jiem qabel il-ftuħ uffiċjali, Newsbook.com.mt mar il-Belt Valletta u tkellem mal-Beltin dwar kif qed iħossuhom bil-fatt li l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura u lir-residenti staqsejnihom kif qed tolqothom.
Ħadd mill-Beltin ma laqlaq l-ewwel risposta. Kollha huma kburin li l-Belt Valletta se ġġorr it-titlu tal-kapitali Ewropea tal-kultura.
Mistoqsija dwar kif qed tolqothom bħala residenti, il-Beltin jidhru kuntenti bl-attivitajiet li qed ikunu organizzati għalhekk ammettew li xi kultant jinħoloq ukoll xi ftit ta’ inkonvenjent.
Kien hemm min ikritika l-istorbju li jdum sa kmieni filgħodu u anke l-problema tal-parkeġġ.
Residenti oħra lmentaw dwar iż-żoni residenzjali u kkritikaw il-fatt li kellha tkun il-Valletta 2018 biex jiġu rranġati ċertu toroq. Qalu li wara li jgħaddi kollox, jittamaw li l-affarijiet u ż-żoni residenzjali jibqgħu jingħataw l-attenzjoni li tixirqilhom.
Oħrajn ma gergux dwar dan u għalihom l-importanti li bis-saħħa tal-Valletta 2018 ġew irranġati diversi żoni fil-Belt Vallettta.
Residenti oħra għażlu li ma jikkumentawx.