Vox Pop: “Il-volontarjat l-aqwa karità għax ħin kulħadd għandu”

Read in English.

Newsbook.com.mt żar il-Belt Valletta lbieraħ biex jistaqsi lin-nies x’inhu, fl-opinjoni tagħhom, l-aħjar mod kif wieħed jagħmel karità, billi nhar is-Sibt li ġej jaħbat il-Jum Dinji tal-Karità.

Waħda mill-persuni li pparteċipaw fil-vox pop qalet li filwaqt li mhux kulħadd għandu flus x’jagħti għall-karità, ħin kulħadd għandu, jiġifieri għaliha, l-aħjar mod huwa permezz tal-volontarjat.

Oħrajn qalu li kelma ta’ ġid tista’ tagħmel ħafna, saħansitra tista’ tagħmel aktar ġid mill-flus. Omm u bint qablu fit-tweġiba tagħhom li wieħed għandu jgħin mhux biss bil-flus, imma b’għemilu, billi juri solidarjetà ma’ min ikollu bżonn, anke billi forsi jagħmel xi qadi għal xi ħadd li ma jistax, bħal anzjani.

Persuna oħra qalet li meta xi ħadd jagħmel karità, trid tiġi mill-qalb, u li l-akbar donazzjoni li wieħed jista’ jagħti hi li jagħti d-demm. Persuna oħra semmiet donazzjoni lid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, filwaqt li persuna oħra qalet li l-ħniena u l-mogħdrija huma l-aqwa forom ta’ karità.

X’inhu l-aħjar mod kif tagħmel karità?
Poll: X’karità se tagħmel din il-ġimgħa?