“Votazzjoni ta’ ftit minuti tiddetermina futur” – Lawrence Gonzi

Waqt intervent fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista l-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li votazzjoni ta’ ftit minuti tiddetermina l-futur ta’ pajjiż għal 5 snin li ġejjin. Il-Prim Ministru tenna li l-aktar messaġġ importanti jibqa’ dak ta’ kemm pajjiżna se jkun kapaċi joħloq ix-xogħol.

Matul l-intervista, il-Prim Ministru elenka f’liema setturi nħolqu l-20,000 impjieg u semma għadd ta’ inċentivi li se jkomplu jsostnu l-impjiegi f’pajjiżna. Dr Gonzi fakkar li l-Mexxej tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat ta pariri ħżiena fuq kwistjonijiet ta’ importanza kbira bħad-dħul ta’ Malta fl-UE, l-Ewro fost affarijiet oħra.

Fi tmiem l-intervista l-Prim Ministru enfasizza li huwa lest li jibqa’ jservi lil dan il-pajjiż wara li li kiseb ir-riżultati minkejja l-maltemp kollu. Dr Gonzi temm l-intervista b’messaġġ ta’ fiduċja f’dawk li huma msejħa biex jagħtu l-vot tagħhom.