Vot kontra Malta jew kontra Muscat? X’jaħsbu MEPs Maltin

Waqt li l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli tqis li l-vot li l-Parlament Ewropew (PE) ħa dwar in-nuqqas ta’ tħaris tal-liġi f’Malta nhar l-Erbgħa li għadda, huwa vot kontra Malta, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola tqisu bħala vot qawwi kontra Joseph Muscat.
Iż-żewġ Ewroparlamentari tkelmu waqt il-programm Newsline li jixxandar is-Sibt bejn l-10am u 12pm, fuq RTK 103FM.
Vot kontra l-Gvern jew vot kontra Malta?
Miriam Dalli: “Vot kontra Malta.” Spjegat li r-riżoluzzjoni li dwarha ttieħed il-vot tiffoka fuq ħafna affarijiet  u mhux il-ħarsien tal-liġi biss (Saltna tad-Dritt). Fost affarijiet oħra, semmiet l-iżjed is-servizzi finanzjarji ta’ Malta, is-sistema tat-taxxa u niċeċ ekonomiċi tal-pajjiż. Fakkret li l-pajjiż ilu li daħħal dawn is-sistemi u jibbaża fuq dawn in-niċeċ ekonomiċi għal ħafna snin u li “f’daqqa waħda taw l-opportunità lil min fil-PE għamilha ċara li jrid jattakka s-sistema finanzjarja tal-pajjiż.” Saħqet li filwaqt li tittama li sejra żball, dan kollu qed jagħmel ħsara lill-pajjiż.
Roberta Metsola: “Dan il-vot huwa deskritt kontra Malta biss mit-tliet deputati Laburisti fil-Parlament Ewropew u min qed jgħajjarna tradituri.” Fakkret li kien il-partit tal-Ħodor li wassal għal din ir-riżoluzzjoni. Qalet li l-vot kien wieħed ċar u li anke s-Soċjalisti u d-Demokratiċi ma tawx is-sapport tagħhom lid-Delegazzjoni Labursta. “Ħafna, inkluż il-kap tas-Soċjalisti bagħtu messaġġ lil Joseph Muscat li f’Malta għandna problema.” Kompliet tgħid li jekk id-delegazzjoni Laburtista trid tgħajjar lil dik Nazzjonalista “tajjeb iddur dawra magħha nnifisha u tara l-ħsara li qed jagħmel Joseph Muscat.”
Veru li kienu d-Deputati Nazzjonalisti li qalgħu dan kollu?
Miriam Dalli: “Ma ngħidx li kienu t-tliet Ewroparlamentari Nazzjonalisti li qanqlu kollox imma ngħid li peress li jagħmlu parti mill-akbar grupp politiku, jiġifieri l-Partit Popolari Ewropew, kellhom l-opportunità li jitkellmu u jikkontrollaw dan kollu.”
Roberta Metsola: “Nirringrazja lill-Partit Laburista li jaħseb li aħna t-tlieta nistgħu nikkonvinċu madwar 500 miet ruħ biex jivvutaw bl-aħrax kontra Joseph Muscat.” Saħqet li min ivvota kull ma ried jagħmel hu li jaqra l-gazzetti u jara x’qed jgħidu ġurnalisti oġġettivi dwar Joseph Muscat l-iżjed wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jinkwetak il-mod kif ivvutaw id-Deputati tas-Soċjalisti u Demokratiċi?
RTK staqsa lil Miriam Dalli x’taħseb dwar il-fatt li 12 biss mill-190 membru tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi vvutaw mad-Delegazzjoni Laburista.
Miriam Dalli qalet li ħafna minn dawk li astjenew għamlu dan minħabba li bħalissa hemm diskussjonijiet oħra dwar il-ħarsien tal-liġi f’pajjiżi oħra, fosthom l-Ungerija.
Dwar dawk li vvutaw favur il-mozzjoni, Dr Dalli spjegat li ħafna minnhom huma Deputati li mhux l-ewwel darba li attakkaw is-sistema finanzjarja ta’ Malta.
Tenniet li fid-dibattitu kien hemm taħlita ta’ ħafna kwistjonijiet u dan jagħti lok biex ikun hemm Deputati li jaqbdu ma’ affarijiet differenti.
Saħqet li kienet tippreferi dibattitu aħjar fuq il-ħarsien tal-liġi f’Malta biex jiġi indirizzati dawk l-affarijiet li hemm bżonn għax fakkret li l-Gvern diġà għamilha ċara mal-Kummissjoni Ewropea li jirranġa fejn hemm bżonn jirranġa.
Veru li ddefendejt lill-Ungerija imma mhux lil Malta?
Lil Dr Metsola, RTK staqsiha dwar il-kritika li qed tlaqqat mill-Partit Laburista,  li ddefendiet lill-Ungerija imma mhux lil Malta.
Dr Metsola wieġbet li din bħala hija “gidba faħxija.” Saħqet li hi kienet saħansitra marret kontra l-Partit Popolari Ewropew u vvutat favur li jkun hemm investigazzjoni dwar il-ħarsien tal-liġi fl-Ungerija.
Kompliet tgħid li dakinhar “Alfred Sant ma vvutax” u “Marlene Mizzi ħadet żball.”
Dr Metsola qalet li hi mhux talli vvutat kontra l-Gvern tal-Prim Ministru Orbán imma kkritikatu f’wiċċu meta kien preżenti għal dibattitu fil-Parlament Ewropew.
Saħqet li l-vot ma kienx biex ma ssirx investigazzjoni fuq l-Ungerija imma biex flok tmur delegazzjoni mill-Parlament Ewroprew fl-Ungerija, ikunu l-Ungeriżi li jmorru Brussell.
Temmet tgħid li hi se tiġġieled għad-drittijiet tal-Ungeriżi u għal tal-Pollakki l-istess kif tiġġieled għad-drittijiet tal-Maltin.