Vot għall-PL hu vot għall-abort – PN

PN

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius saħqu li kull vot għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista huwa vot favur il-ħajja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN, stqarrew li kull vot għall-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hu vot ieħor lis-Soċjalisti Ewropej li fil-manifest elettorali tagħhom qed jimbuttaw ‘il quddiem l-abort u li se jaħdmu biex jimponuh madwar l-Ewropa u f’Malta.

Grech u Agius saħqu li l-MEPs tal-Partit Laburista naqsu milli jikkonvinċiu lil sħabhom is-Soċjalisti Ewropej li ma jimbuttawx ‘il quddiem l-abort.

Flimkien ma’ Grech u Agius kien hemm preżenti l-kandidata għall-elezzjoni lokali fiż-Żejtun Amanda Abela u l-kandidata għall-elezzjoni lokali fil-Furjana Justine Palmier.