​Volvo: Daqshekk karozzi petrol

Il-kumpanija Volvo ħabbret li l-mudelli kollha li se tniedi mill-2019 se jkunu jaħdmu bl-elettriku jew hybrid.
Din l-aħbar qed titqies bħala l-iktar wiegħda soda minn kumpanija ewlenija tal-karozzi biex tibdel mis-sistema tradizzjonali tal-magni diesel u petrol.
Id-ditta bbażata f’Gothenburg wegħdet li bejn l-2019 u l-2021 se tniedi ħames mudelli ġodda. Qalet li se tkompli tipproduċi magni bis-sistema tal-kombustjoni minn mudelli li tniedew qabel dik id-data.
Mill-ħames mudelli l-ġodda, tlieta se jkunu Volvo u tnejn Polestar, id-ditta sussidjarja tal-grupp Svediż.
Il-kumpanija qalet li dan ifisser li fil-futur mhux se jkun hemm karozza Volvo mingħajr mutur tal-elettriku.
Volvo ilha tibni l-karozzi hybrid mill-2011. Għamlet investiment qawwi f’teknoloġiji ġodda mindu inxtrat mingħand Ford mill-grupp Zhejiang Geely u hi kompetitur ewlieni tal-Mercedes-Benz u BMW.