Voluntiera tirrakkonta kif salvat tifel ta’ sentejn li ra lil missieru jegħreq

Voluntiera tal-NGO Sea Watch irrakkuntat ma Newsbook.com.mt kif kien salvat tfajjel ta’ sentejn li ra lil missieru imut quddiem għajnejh ftit siegħat qabel. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Carole Rackete, voluntiera ta’ Sea Watch, l-għaqda li jumejn ilu kellha l-ajruplan tagħha mwaqqaf milli jinżel Malta mill-Awtoritajiet Maltin filwaqt li għandhom il-vapur maqbud Malta u kawża ta’ dan ma jistgħux jsalvaw in-nies mill-għarqa.

Newsbook.com.mt talab lil Rackete tirrakkonta waħda mill-mumenti tas-salvataġġ li tiftakar u li fiha kienet involuta.

Hi għażlet li tirrakkonta l-istorja ta’ tifel tas-sentejn li ġie salvat mill-għarqa mis-sena l-oħra. Fost dawk li salvaw kien hemm tifel ta’ sentejn ma’ raġel. Huma saqsew ir-raġel jekk hux missier it-tifel. Ir-raġel wieġeb li mhuwiex u qal li missier it-tifel miet. Minn kliemu huma assumew li kien ilu li miet iżda saqsewh meta ġara dan u hu qallilhom li miet biss erba’ sigħat qabel ma’ huma waslu.

Hi tirrakkonta kif din l-esperjenza kienet diffiċli wkoll għall-kollega tagħha li għandu tifla tal-istess età tat-tifel li kellhom fid-dgħajsa. Hemm hekk, Rackete kompliet tgħid indunaw li minkejja l-isforzi tagħhom biex issalvaw il-ħajjiet, xorta dak il-ħin ma kienx biżżejjed biex issalvaw missier dat-tifel.

Is-Sibt 7 ta’ Lulju numru ta’ individwi qed jorganizzaw manifestazzjoni quddiem il-Qorti bl-isem ta’ Sea Bridge – Solidarjetà mar-refuġjati fil-baħar u fuq l-art, bl-għan li jiffukkaw fuq id-drittijiet tar-refugġjati. Fl-istess ħin se jkun hemm avvenimenti għaddejjin fil-Ġermanja.

Sea-Watch bdiet bħala inzjattiva minn numru ta’ individwi li felħux jaraw iktar nies jmutu fil-baħar Mediterran.

Fuq is-sit tagħhom wieħed jista’ jaqra għalfejn huma qed jiddedikaw lilhom infushom għas-salvataġġ mill-baħar u jgħidu li ħadd ma ħaqqu jmut fuq il-fruntiera esterni tal-Unjoni Ewropea meta dawn in-nies qed jfittxu ħajja f’post sigur.

L-għaqda tgħid li qed tipprova timla l-vojt li ħalliet il-Mare Nostrum li kellha mandat ċar u salvat iktar minn 130,000 iżda twaqfet. L-għaqda temmen f’salvataġġ li jkun irregolat u b’mandat ċar kif ukoll tisħaq dwar rotot li huma legali u siguri għal dawk li jkunu qed jfittxu ħajja aħjar. L-għaqda tiffinanzja ruħha permezz ta’ donazzjonijiet u s’issa kienet involuta fis-salvataġġ ta’ iktar minn 35,000 persuna.