Voluntiera Taljana maħtufa fil-Kenja

A resident stands inside the room, where Italian volunteer for the Italian charity Africa Milele lived before she was seized, in Chakama trading centre of Magarini, Kilifi County, Kenya November 21, 2018. REUTERS/Stringer

Irġiel armati ħadu Taljana li kienet tinsab fil-Kenja  bħala voluntiera, ostaġġ  filwaqt li sparaw u ferew erba’ persuni oħra lbieraħ filgħaxija.  L-attakk reġa’ qajjem biża’ li terġa’ tqum il-vjolenza mill-militanti Iżlamiċi.

Kemm il-Pulizija u r-residenti qalu li l-irġiel kienu armati bl-AK-47 daħlu f’guesthouse  f’Chakama, villaġġ żgħir fuq il-fruntieri mas-Somalja. Il-Pulizija qalet li l-ebda grupp s’issa ma ħa responsabilità.

L-għaqda li magħha il-mara kienet qed tagħmel ħidma volontarja, Africa Milele, poġġiet messaġġ qasir fuq is-sit tagħha tgħid li ma għandhomx kliem biżejjed biex jikkummentaw fuq dak li kien qed jiġri u wrew l-appoġġ magħha. Il-grupp qal li jaħdem ma’ tfal orfni fil-Kenja.

It-turiżmu huwa settur importanti għall-ekonomija tal-Kenja iżda sofra meta kien hemm numru ta’ ħtif u attakki li għalihom kienu responsabbli l-grupp militanti Somalu l-al Shabaab. Fl-2013 il-grupp kien għamel rejd fuq ċentru kummerċjali li fih inqatlu il-fuq minn 60 persuna.

L-industrija għadha kif irkuprat filwaqt li tissokkta l-ħidma biex ma jkunx hemm iktar attakki.

Żewġ xhieda qalu lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li semgħu l-irġiel jitkellmu bis-Somalu. Chad Joshua Kazungu qal li l-mara Taljana kienet fil-mira tat-tliet irġiel armata. Ronald Kazungu li għen lill-mara f’xogħolha permezz ta’ xogħol ta’ fotografija qal li l-irġiel urew biċ-ċar li hi kienet fil-mira tagħhom.