Jipproponu voluntiera biex iwassluk id-dar jekk fis-sakra

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qed jipproponi li jkun hawn voluntiera li jgħinu persuni li jkunu taħt l-effett tal-alkoħol biex jaslu d-dar qawwija u sħaħ.
Fi stqarrija, il-KNŻ saħaq li hemm rabta bejn l-abbuż mill-alkoħol u attività sesswali mhux responsabbli, fosthom anke l-abbuż sesswali u għalhekk dawn il-voluntiera, filwaqt li jqajmu kuxjenza, ikunu qed inaqqsu l-inċidenti.
Qed jipproponu wkoll li jkun hawn numru ta’ emerġenza, simili għall-112, li jintuża f’każijiet ta’ emerġenza, anke minn dawk il-persuni li jkunu qed jingħataw fastidju sesswali.
Dawn huma wħud mill-proposti li l-Kunsill qed iressaq bil-għan li jikber l-għarfien dwar is-saħħa sesswali u l-effetti li l-attività sesswali mhux responsabbli tista’ tħalli fuq il-ħajja taż-żgħażagħ.
Fi stqarrija, il-Kunsill jisħaq li huwa fatt li ż-żgħażagħ qed ikunu involuti f’attività sesswali minn età iżgħar u għalhekk jisħaq dwar l-importanza li tiżdied l-edukazzjoni u anke l-prekawzjoni minn mard trasmess sesswalment.
Għalhekk ressaq numru ta’ proposti fosthom:

  • Mobile clinic, f’postijiet frekwantati miż-żgħażagħ li tqassam kontraċettivi, testijiet tat-tqala u anke servizz ta’ teħid ta’ kampjuni tad-demm u l-awrina;
  • aċċess iżjed faċli għall-kontraċettivi;
  • aċċess iżjed faċli u personali għal testijiet tal-HIV l-iżjed fost dawk l-aktar esposti għall-viruses;
  • klinika speċjalizzata f’Għawdex li tkompli max-xogħol tal-GU clinic f’Malta; u
  • aktar edukazzjoni sesswali fl-iskejjel li tinkludi fiiha aspetti oħra tas-saħħa fosthom dik mentali, fiżika u emozzjonali.