Voluntier Malti jirbaħ il-premju internazzjonali tal-BirdLife

Read in English.

Nimrod Mifsud irnexxielu jirbaħ il-BirdLife International’s Nature’s Hero Award minħabba x-xogħol siewi tiegħu bħala voluntier fl-organizazzjoni għal numru ta’ snin.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-BirdLife Malta fejn spjegaw li l-premju nagħta waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-2018 ġewwa r-Riserva Naturali tas-Salina. Għal din il-laqgħa attendew il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera u numru ta’ NGOs u membri oħra.

Waqt il-laqgħa tpoġġew fid-dawl l-aħħar kisbiet li l-organizazzjoni wettqet, inkluża d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Qrati tal-Ġustizzja Ewropea dwar l-insib tal-isponsun.

Il-Ministru Herrera tkellem dwar il-prijoritajiet ambjentali tal-Gvern u ntweriet l-aħħar produzzjoni li pproduċew l-organizazzjoni bl-isem ta’ LIFE Arċipelagu Garnija project.

Il-Ministru Herrera ppreżenta lill-BirdLife Malta bil-kuntratti l-ġodda tal-immaniġjar tar-Riservi Naturali tas-Simar u l-Għadira. Huwa qal li daqt ikun f’pożizzjoni li jiffirma l-qbil finali dwar is-Salina.