Ritratti: Volontarjat fl-Indja: “M’għandhomx fejn jgħixu imma xorta jitbissmu”

askdorianne

Dorianne Mamo ddeskriviet il-ħajja fl-Indja bħala dinja totalment differenti minn hawn Malta. Dorianne qalet dan waqt li kienet qed tiddeskrivi l-esperjenza tagħha meta marret volontarjat ġewwa Munugode, villaġġ fl-Indja, waqt il-program ‘Ta’ Kulħadd’ ma’ Christine Delicata.

Għalkemm kienet taf minn qabel dwar il-veritajiet li jaffaċjaw in-nies li jgħixu l-Indja, xorta kien xokk kbir meta rat b’għajnejha l-ħajja tat-tfal li m’għandomx x’jieklu u x’jixorbu.

Ġie diskuss ukoll il-fatt li għalkemm hemm nies li m’għandomx fejn jgħixu, xorta jkunu ferħanin u bi tbissima fuq wiċċhom. Dorianne temmen li dan huwa r-riżultat ta’ apprezzament għal kull oġġett li għandhom.

Sfortunatament, hemm tfal li huma neqsin mhux biss minn affarijiet materjali, iżda wkoll minn imħabba u attenzjoni.

Jista’ jkun li dan huwa tort tagħhom stess?

Dorianne qalet li għalkemm kienet temmen li dawn ir-riżultati ġabuhom fuqhom infushom, il-verità hija differenti.

Tkellmet fuq kif ħafna nies huma neqsin mill-edukazzjoni, u għalhekk huwa diffiċli ħafna biex joħorġu minn dan iċ-ċiklu ta’ faqar. Ġie diskuss il-fatt li ħafna nies ma jistgħux jippjanaw għall-futur, għaliex ikunu wisq okkupati jipprovdu għal dakinhar stess.

Esperjenza ta’ darba?

Dorianne stqarret li min jagħmel volontarjat ma’ min għandu bżonn, ħafna drabi, din ma tkunx esperjenza ta’ darba. Dan huwa għaliex tant ikun hemm esperjenzi sbieħ u ta’ valur, li ma jirnexxilhomx ma jkomplux jagħmlu ġid u jgħinu lill-oħrajn.