Vodafone Malta tittestja veloċitajiet tmien darbiet iżjed b’saħħithom minn 4G

Wara li Vodafone Malta kienet ħabbret l-ewwel 4G+ mobile network f’pajjiżna, issa l-kumpanija qiegħda twassal l-ewwel titwila ta’ kif ħa jidher il-futur, permezz ta’ demostrazzjoni tas-sisien tat-teknoloġija 5G: veloċitajiet revoluzzjonarji ta’ 1 Gbps fuq il-mobile network tagħha.
Dawn il-veloċitajiet, li huma ’l fuq minn tmien darbiet iżjed b’saħħithom minn 4G, huma l-ewwel ta’ din ix-xorta f’Malta. Id-demostrazzjoni kienet possibbli biss permezz ta’ teknoloġija avvanzata li nġiebet apposta minn Vodafone Group. 
Din id-demostrazzjoni tikkoinċidi mal-bidla globali fil-marka ta’ Vodafone minn ‘Power to you’ għal ‘The future is exciting. Ready?’
Il-kap eżekuttiv ta’ Vodafone Malta Amanda Nelson spjegat li l-konsumaturi jemmnu li l-mod ta’ kif it-teknoloġija qiegħda tevolvi biex tgħinhom jikkonnektjaw twassal għal futur eċitanti, però kemmxejn mhux magħruf.
Il-pożizzjonar tal-marka l-ġdida ta’ Vodafone tenfasizza t-twemmin tal-kumpanija li teknoloġiji ġodda u servizzi diġitali se jkollhom rwol importanti biex jittrasformaw is-soċjetà li ngħixu fiha u jtejjbu l-kwalità tal-ħajja fis-snin li ġejjin. Issa, Vodafone qiegħed jistieden lil klijenti jiġu fuq dan il-vjaġġ.
Fil-futur, veloċitajiet ta’ gigabit ser ikunu qegħdin jibdlu l-mod ta’ kif ngħixu, naħdmu u nilgħabu. Ser jiftħu orizzonti ġodda f’oqsma bħal-kura tas-saħħa, edukazzjoni, midja u divertiment, żiedet tgħid is-Sinjura Nelson.
Fil-qasam tal-kura tas-saħħa, per eżempju, ser inkunu nistgħu naraw moniteraġġ mill-bogħod permezz ta’ tagħmir mobbli li jista’ jintlibes għall-pressjoni tad-demm, rata tal-qalb, idratazzjoni, u livelli ta’ rqad.
Veloċitajiet ta’ gigabit jistgħu wkoll jgħinu l-edukazzjoni permezz ta’ tagħlim diġitali, taħriġ immersiv permezz tar-realtà virtwali, u esperjenzi interattivi mill-bogħod. Studenti jkunu jistgħu, per eżempju, jittieħdu fuq vjaġġ lejn postijiet inaċċessibbli bħal qiegħ l-oċean mingħajr ma jitħarrku mill-klassi.