Vodafone l-ewwel li tneħħi t-tariffi tar-roaming

Vodafone Malta ħabbret li se telimina l-ispejjeż tar-roaming fl-Ewropa bil-pjan bl-isem “Red”, li nediet illum.
Il-kumpanija qed tintroduċi roaming Ewropew b’xejn. Il-pjanijiet il-ġodda se jinkludu data kbira fuq in-network 4G u se jintużaw l-istess rati baxxi għal telefonati u messaġġi li jsiru fl-Ewropa, kemm jekk il-klijent ikun f’Malta kif ukoll f'pajjiż ieħor Ewropew.
B’dan il-pjan il-ġdid, il-klijenti ta’ Vodafone se jkollhom ukoll l-istess rati għall-użu tal-internet fil-mowbajl.
Dan il-pjan inħoloq għall-klijenti Maltin li jivvjaġġaw f’wieħed mis-27 pajjiż Ewropew u ħames pajjiżi oħra; l-Albanija, l-Iżlanda, Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvezja. 
B’dan il-mod, Vodafone ħabbret tnaqqis fir-rati tat-telefonati u messaġġi lejn in-numri Ewropej u l-istess rati se japplikaw għal telefonati u messaġġi li jsiru f’Malta u barra minn Malta.
Ir-rati lokali għall-100MB b'rata ta' €2 se jkunu estiżi wkoll għall-pajjiżi Ewropej.  
F'Marżu li ġej, 70 pajjiż se jibbenefikaw minn telefonati b’xejn, 100 minuta lejn Malta, 100 messaġġ għal kwalunke destinazzjoni u 100MB. 
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur waħda mill-fergħat ta’ Vodafone jew is-sit:www.vodafone.com.mt.

Reazzjoni David Casa
Il-membru tal-Parlament Ewropew David Casa laqa’ sodisfazzjon id-deċiżjoni ta’ Vodafone li jitneħħew ir-roaming charges.
Sostna li hija ta’ min jammira d-deċiżjoni ta’ kumpanija f’Malta li timxi aktar ‘il quddiem mil-liġi Ewropea li qed titlob li dawn l-ispejjeż jitneħħew sal-2017.