Vlogg: Iż-żgħażagħ mal-Arċisqof fl-Art Imqaddsa: “Kuntenti li qegħdin hawn”

Fit-tielet jum tagħhom fl-Art Imqaddsa wħud miż-żgħażagħ tkellmu mal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna fejn esprimew kemm jinsabu kuntenti biż-żjara fl-Art Imqaddsa.

Il-vlogg tal-lum inġibed minn fuq bastiment fejn il-grupp kien qed jaqsam l-baħar tal-Galilea, li l-Arċisqof iddeskriva bħala “biċċa ilma ħelu li fiha daqs Malta.”

Hemmhekk tkellmu dwar is-sbuħija li qed jiċċelebraw l-istorja vera ta’ Ġesù fil-post fejn ġara dan kollu.

L-Arċisqof spjega kif aktar kmieni saret Quddiesa f’Kappella mibnija propju fuq id-dar ta’ San Pietru u żaru wkoll bosta postijiet imsemmija fil-Kotba Mqaddsa fejn Ġesù ħabbar is-saltna t’Alla, ħalla l-merħla tiegħu f’idejn Pietru u anke kattar il-ħobż.

Fost iż-żgħażagħ tkellem Andre, żagħżugħ li qed jistudja biex jiġi aċċettat fl-ordni Franġiskana. Sostna li jinsab “ferħan immens” u insista li hija “xi ħaġa sabiħa mmens” li jinsab propju fil-post fejn il-Mulej għażel l-appostli tiegħu.”