Vlogg: Ifakkru t-3 sena mill-mewt ta’ missier l-Arċisqof fl-Art Imqaddsa

Fl-ewwel jum tiegħu fl-Art Imqaddsa l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna fakkar il-memorja ta’ missieru f’għeluq it-tielet sena mill-mewt tiegħu.

Iċ-ċelebrazzjoni saret fis-Santwarju tal-Karmelu fejn iż-żgħażagħ u l-Arċisqof għamlu żjara qasira li ma kinitx skedata. Fil-quddiesa ċċelebraw ukoll id-19-il anniversarju mill-ordinazzjoni ta’ Fr Daniel.

Fil-vlogg, l-Arċisqof faħħar l-għolja tal-Karmelu u rrimarka kif il-preżenza tal-Profeta Elija tfakkar fl-importanza li Alla jieħu l-ewwel post fil-ħajja ta’ kulħadd.

Spjega li l-pass li jmiss għalih u għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huwa li jżuru Nażaret, il-Belt ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi.

L-Arċisqof Scicluna ilbieraħ ħalla Malta flimkien ma’ grupp ta’ 28 żagħżugħ u żagħżugħa bl-etajiet bejn il-15 u t-30 sena għal pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Magħhom hemm ukoll żewġ saċerdoti.

Kompli segwi Newsbook.com.mt għal vlogg kuljum mill-Arċisqof.