Vlogg: “Ħtieġa li nnaddfu warajna meta mmorru ngħumu” – l-Arċisqof

    Xi jiem ilu rajt xena li għoġbitni ħafna – grupp ta’ żgħażagħ f’waħda mill-bajjiet sbieħ tagħna. Għamlu nofstanhar fil-qilla tax-xemx inaddfu l-baħar u anki x-xtajta. Ammirajt lil dawn iż-żgħażagħ li b’ħidma kbira għenu biex l-ambjent tagħna jibqa’ sabiħ u nadif. Ħafna mill-affarijiet li ttellgħu minn qiegħ il-baħar sfaw hemmhekk minħabba maltempata kbira li kellna x-xitwa li għaddiet. Oħrajn stajt tinduna li kienu hemmhekk għax tfajniehom aħna l-Maltin u l-Għawdxin, u forsi anki min iżurna.

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li f’dawn ix-xhur tas-sajf, fejn aħna nieħdu pjaċir ingawdu l-ibħra sbieħ tagħna, nieħdu ħsieb li nħalluhom nodfa kif sibniehom biex aħna nkunu nistgħu nkomplu ngawduhom. Kultant jiena meta ninżel ngħum inħobb nieħu pjaċir anke ninnota l-ħut li għandna. Irrid nammetti li dis-sena rajt li anke l-ħut ż-żgħir li jkun max-xatt naqas, jista’ jkun frott tal-maltempata wkoll u jista’ jkun għax is-sajf għadu fil-bidu. Jista’ jkun ukoll, għax aħna bil-ħmieġ li qed inħallu, m’aħniex qed ngħinu lin-natura tkompli tgħix u tiffjorixxi?

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li dak kollu li qed jgħallmuna ż-żgħażagħ fuq il-ħtieġa li nħarsu l-ambjent aħna l-kbar noħduh ħafna bis-serjetà. Nieħu pjaċir nara ħafna Maltin li fil-weekend jaqbdu xi dgħajsa kbira jew żgħira, skont dak li jkun ikollu u jista’, u joħorġu jieħdu pjaċir fuq l-ibħra. Imma l-affarijiet li narmu, fejn qegħdin narmuhom? Kultant jiġu lura jsellmulna fuq ix-xatt. Nieħdu pjaċir narawhom? Nieħdu pjaċir li meta tinżel tgħum, tgħum fil-plastik li ħalla ħaddieħor, kultant anke plastik mhux nadif? Intom tifhmuni x’qed ngħid.

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li qabel narmi karta, biċċa plastik, naħseb x’qiegħed nagħmel, forsi jerġa’ jibdieli. Nitfagħha f’tank t’apposta tar-riċiklaġġ. Ix-xtajtiet tagħna mimlija bins fejn inti tista’ tħalli oġġett tal-iskart. Kemm hu tajjeb li aħna nużawhom u nħallu x-xtajtiet tagħna nodfa. Kultant tmur fuq xtajta u qisha ashtray għax min jiddeċiedi jpejjep, meta mbagħad irid jarmi l-loqma sigarett li jkun baqagħlu, ma jerfagħhiex xi mkien imma jitfagħha fuq ir-ramel jew fuq il-blat. Għandna bżonn ħafna x’nitgħallmu.