Vlogg: “Aħna lkoll aħwa” – L-Arċisqof

Fit-3 ta’ Ottubru tal-2020, il-Papa żar il-belt għażiża ta’ Assisi u fuq il-qabar ta’ San Franġisk ta’ Assisi ffirma dokument ġdid, enċiklika fuq il-fratellanza umana, fuq il-fatt li aħna lkoll aħwa tal-istess Missier. Id-dokument jibda b’żewġ kelmiet bit-Taljan, “fratelli tutti”, li huma l-ewwel żewġ kelmiet minn ittra li San Franġisk ta’ Assisi kiteb lill-aħwa tiegħu rġiel u nisa.

Il-Papa jqassam dan id-dokument sabiħ fi tmien kapitli. Fl-ewwel wieħed jagħmel dijanjosi ta’ fiex qegħdin fid-dinja, u fi sħab imdallam li jara l-Papa, jara dinja magħluqa fiha nfisha.

Fit-tieni kapitlu l-Papa jieħu l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb fejn Ġesù jgħallimna min hu l-proxxmu tagħna. Il-fratellanza universali trid tħares lejn din il-parabbola, biex ngħidu hekk, biex nitgħallmu lkoll li l-proxxmu huwa dak li hu qrib tiegħi, hu min hu, mingħajr preġudizzji, imma bil-konvinzjoni li aħna lkoll aħwa tal-istess Missier.

U fil-fatt il-Papa, fit-tielet kapitlu jitkellem dwar dinja li tkun iżjed miftuħa u allura se tkun iżjed integrata; se tilqa’ lil kulħadd, mingħajr ma tħares lejn it-tikketta ta’ dak li jkun jew inkella lejn min hu fis-soċjetà jew x’għandu x’joffri. Il-fratellanza mingħajr fruntieri. Fil-fatt, il-qalb miftuħa ta’ din id-dinja ġdida li jixtieq il-Papa u li qed jitlob u jippromwovi, hija dinja fejn il-fruntieri huma utli imma m’għandhomx ikunu ħitan li jisseparawna.  Aħna wara kollox ilkoll kemm aħna għandna t-togħma lokali tagħna, imma din hija rikkezza li, meta nħalltu u naqsmu, tagħmel lil kull wieħed u waħda minna iżjed rikki.

Fil-ħames kapitlu, il-Papa jitkellem dwar politika ġdida, politika li tħares lejn il-ġid komuni, mhux biss intern jew tal-pajjiż, imma il-ġid komuni tad-dinja bħala d-dar komuni tal-bnedmin kollha. Il-politika hija att u espressjoni ta’ mħabba imma trid tkun mibnija mhux fuq l-interess personali imma fuq il-promozzjoni tal-ġid komuni.

Il-Papa jitkellem, fil-kapitlu sitta, jitkellem dwar id-djalogu u l-fratellanza u l-ħbiberija bħala l-bażi tas-soċjetà u din trid tkun ħbiberija bbażata fuq il-verità. Nistgħu ngħidu li l-qalb t-tajba tas-Samaritan it-Tajjeb tgħallimna kif għandha tkun din il-fratellanza, li aħna nkunu viċin ta’ xulxin u b’mod speċjali ta’ dawk li huma l-iżjed batuti.

Fil-kapitlu sebgħa, il-Papa jitkellem fuq din il-kultura li niltaqgħu flimkien, li aħna nibnu l-paċi, li hija arti u arkitettura, billi nlaqqgħu lil xulxin u niltaqgħu flimkien. Ovvjament fid-dinja tal-Covid, din il-ħaġa fiżikament mhux dejjem tkun possibbli, imma żgur nistgħu nippreparaw qalbna biex aħna nilqgħu lil min iħabbat fuq il-bieb ta’ xtutna u ta’ qalbna u niftħu qalbna għal xulxin. Il-Papa jitkellem fuq ir-rikonċiljazzjoni; jgħid li mhux kwistjoni li tinsa imma li inti, kull meta tiftakar, iġġedded ir-rieda tal-paċi u tal-maħfra. Jitkellem fuq l-inġustizzja tal-gwerra anke fiċ-ċirkustanzi l-iżjed estremi u anke fuq l-inġustizzja tal-piena tal-mewt, li jgħid li qatt ma tirrispetta d-dinjità tal-bniedem.

L-aħħar kapitlu jħares lejn ir-reliġjonijiet u l-Papa jitlob li r-reliġjonijiet, minflok ikunu mezz ta’ vjolenza fid-dinja u ta’ firda, isiru mezz ta’ fratellanza bejn il-bnedmin.

L-enċiklika “Fratelli Tutti” tispiċċa b’żewġ talbiet li għamel il-Papa, talba lill-Ħallieq għax aħna lkoll ulied tal-istess Missier u talba Nisranija ekumenika biex aħna l-Insara nkunu xiehda ta’ din il-fratellanza universali.