Vladimir Putin dalwaqt iżur l-Italja

Il-President Russu Vladimir Putin aċċetta stedina biex iżur l-Italja.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte għafas biex l-Italja jkollha iżjed rabtiet mar-Russja. Huwa żar Moska x-xahar li għadda u stieden lil Putin biex imur f’Ruma.

Illum ir-Russja qalet li beda x-xogħol fuq il-programm taż-żjara.

Ir-Russja hija ħerqana li tistabbilixxi rabtiet mal-Italja bit-tama li jintemmu s-sanzjonijiet kontriha imposti mil-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea kienet imponiet sanzjonijiet wara li r-Russja ħadet kontroll tal-Krimea fl-2014.