Vjolenza u barbariżmu akbar fil-Lvant Nofsani

L-Arisqof Bernardito Auza, ir-rappreżentant tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Uniti tenna s-sejħa biex mexxejja reliġjużi jitkellmu bil-qawwa kontra l-użu tar-reliġjon bħala strument ta’ vjolenza. Avvenimenti li seħħew riċentement, tefgħu inħawi fil-Lvant Nofsani fi vjolenza u barbariżmu akbar.
B’mod partikolari rrefera għall-użu ta’ armi kimiċi fis-Sirja u l-bombi fi knejjes fl-Eġittu f’nhar Ħadd il-Palm. Sostna li għandhom jieqfu l-motivazzjonijiet reliġjużi għat-twettieq tal-vjolenza.
Ftit tal-ġimgħat ilu Mons Auza wassal messaġġ tal-Papa Franġisku lill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Trattat li Jipprojbixxi l-Armi Nukleari.
F’dan il-messaġġ il-Papa ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jaħdmu b’determinazzjoni biex jippromwovu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal “dinja mingħajr armi nukleari”.  Qal li etika u liġi bażati fuq it-theddida ta’ qirda ta’ xulxin, tmur kontra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li ssejjaħ għas-soluzzjoni paċifika tat-tilwim u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-pajjiżi.
Il-Papa Franġisku sostna li għandu jkun implimentat b’mod sħiħ it-Trattat Kontra t-Tixrid tal-Armamenti.  Issuġġerixxa li  t-tbeżżiegħ bl-armi nukleari mhux se jsolvi l-problemi ewlenin li qed tiffaċċja d-dinja llum li huma dawk tal-paċi u s-sigurta’. 
“Il-paċi trid tinbena fuq il-ġustizzja, l-iżvilupp uman integrali, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, protezzjoni tal-ħolqien, parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, fiduċja bejn il-popli, aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa, id-djalogu u s-solidarjeta’”, insista l-Papa fil-messaġġ tiegħu.
Il-Papa enfasizza li l-eliminazzjoni total ital-armi nukleari, hi sfida kif ukoll imperattiv morali.  Id-destin komuni tal-umanita’ jinħtieġ it-tisħiħ pragmatiku tad-djalogu u t-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ fiduċja u kooperazzjoni.
Dan id-djalogu għandu jinvolvi l-istati li għandhom faċilitajiet nukleari, pajjiżi li m’għandhomx minn dawn l-armamenti, setturi militari u privati, komunitajiet reliġjużi, is-soċjeta’ ċivili u l-organiżazzjonijiet internazzjonali.
“Din il-Konferenza”, temm jgħid ill-Papa fil-messaġġ tiegħu, “hi eżerċizzju fit-tama lejn mira li tista’ tintlaħaq”.  Hu esprima x-xewqa qawwija tiegħu li l-konferenza tkun pass deċisiv fit-triq kumplessa li trid twassal għal dinja mingħajr armi nukleari.