Jaħfer lil min tah daqqa ta’ flixkun f’Paceville

Raġel Malti ħafer lil żagħżugħ ta’ 24 sena minn Lyon fi Franza wara li fil-bidu ta’ Awwissu ħebb għalih bi flixkun tal-ħġiei imkisser. L-avukat tar-raġel qal li filwaqt li ma jaqbilx li s-sokor huwa skużabbli jifhem l-aġir tal-aggressur seħħ b’riżultat ta’ sokor u jaħfrilu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.30am tat-2 ta’ Awwissu.

“Att barbaru kontra s-soċjetà”

Maġistrat fil-Qorti qal li r-reati f’Paceville u f’postijiet oħra tad-divertiment msejjħa bħala “atti barbari” huma reati kontra s-soċjetà Maltija.

“Mhux sewwa li ġenituri jibagħtu lil uliedhom jiddevertu f’post tad-divertiment f’Paceville u jispiċċaw mal-lejl ikunu infurmati li xi ħadd minn uliedhom spiċċa ferut u dan għal xejn b’xejn.”

Din kienet id-dikjarazzjoni tal-Maġistrat Joe Mifsud fis-sentenza tiegħu kontra student Franċiż li nżamm arrestat mit-2 ta’ Awwissu sal-lum talli weġġa’ lil Malti waqt argument f’Paceville.

Il-Franċiż kien qed jiġi akkużat li kkawża ġrieħi gravi, li kien fis-sakra fil-pubbliku, u li tellef il-paċi. Huwa ta daqqa ta’ ponn lill-vittma, faqa’ flixkun tal-ħġieġ u użah biex jagħti daqqa bih.

Għalkemm sab lill-akkużat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, il-Maġistrat tah sentenza sospiża għal sentejn u rrefera għal dan ir-reat bħala “aġir barbaru”. Dan kien ukoll minħabba li kien diġà għamel għaxart’ijiem arrestat proviżorjament u l-istqarrija tal-Avukat tal-vittma li qal li l-vittma ħafer lill-aggressur.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud fakkar li għalkemm l-alkoħol huwa sustanza soċjalment aċċettata minn diversi kulturi, inkluż f’Malta, l-istess alkoħol jista’ joħloq perikli kif jidher li ġara f’dan il-każ.

Spjega wkoll li l-alkoħol jaffettwa l-memorja, il-konċentrazzjoni, il-prestazzjoni u l-imġiba u jwassal għal esperjenzi li wara wieħed jista’ jiddispjaċih li jkunu seħħew.