Vjolenza: “Il-pulizija m’għandhomx jittrattaw il-każ waħedhom”

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li bit-tibdil fil-liġi tal-vjolenza domestika, il-Korp tal-Pulizija se jkun aktar strutturat.
Fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija waqt id-dibattitu dwar l-abozz ta’ liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika,  il-Ministru rrimarka li l-liġi bħalissa tindika li l-Pulizija jridu jagħmlu r-risk assessment u li mhux fil-każi kollha, huma jkunu l-aktar nies xierqa li jwettqu l-istħarriġ.
Għalhekk, ippropona li permezz ta’ ftehim mal-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali, nies professjonali flimkien mal-Pulizija jagħmlu r-risk assessment meħtieġ.
Il-Ministru qed jittama li l-bidliet li huma maħsuba għall-Korp tal-Pulzija se jikkumplimentaw il-liġi dwar il-vjolenza domestika.
Spjega li d-distretti tal-Pulizija kif nafuhom illum se jispiċċaw biex minflokhom ikun hawn hubs li sejħilhom “mini-headquarters” għar-reġjuni differenti, li fihom ikun hemm pulizija speċjalizzati f’diversi oqsma biex jagħtu s-servizz mitlub.
“L-aggressur ukoll bżonn l-għajnuna”
Fl-istess waqt, semma li l-liġijiet dwar il-vjolenza domestika jridu “jiffukaw ukoll fuq l-aggressur u mhux biss fuq il-vittma”.
Il-Ministru qal li l-vittma jkollha bżonn l-għajuna biex terġa’ tibni fiduċja fiha nnfisha iżda l-aggressur jista’ jkollu problemi psikoloġiċi u għalhekk, il-Gvern irid joffri din l-għajnuna.
Irrimarka li l-vittma li tkun irrappurtat il-każ, tkun ilha żmien twil issofri iżda tkun irrappurtat il-każ għax tkun waslet fil-punt li ma tissapportix aktar.
Dwar il-kura, il-Ministru semma wkoll it-tfal tal-familja f’każijiet bi vjolenza domestika u qal li din trid tkun iffukata biex it-trawma li jkunu għaddew minnha ma tbeżżagħhomx, iżda fl-istess waqt jirċievu assistenza biex la jikbru ma jaqgħux fl-istess żbalji.
Semma numru ta’ każijiet fejn il-liġi f’Malta trid tinbidel, fosthom għamel referenza għall-koppji tal-istess sess u qal li anke f’każi bħal dawn, il-liġi trid tassigura li tkun konformi maż-żminijiet tal-lum.
“Il-vittmi għandhom jingħataw il-poteri” – Therese Comodini Cachia
Min-naħa tagħha, id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia tkellmet dwar ir-responsabbiltà u l-poteri li għandhom jingħataw lill-vittmi.
Uriet apprezzament lis-social workers u l-voluntiera kollha li jaħdmu mal-vittmi tal-vjolenza domestika filwaqt li uriet tħassib lejn il-mod kif persuni pubbliċi aġixxew fl-aħħar żmien f’każi ta’ vjolenza.
Saħqet li għandu jkun hemm unità fil-messaġġ kontra l-vjolenza għax “il-ġlieda kontra dak li jnawwar is-soċjetà għandha tgħaqqadna”. Appellat li f’kull stadju għandu jkun hemm qbil miż-żewġ naħat biex il-Parlament juri messaġġ ta’ kuraġġ mal-vittmi.
“It-trabi fil-ġuf għandhom ikunu protetti mill-vjolenza domestika” – David Agius
Il-Viċi Kap tal-PN David Agius appella lill-Gvern biex f’din il-liġi jkun hemm il-protezzjoni meħtieġa għat-tarbija fil-ġuf.
Hu semma l-abort sfurzat u qal li din il-liġi ma tbiddilx il-liġi eżistenti dwar dan l-aspett importanti. Irringrazzja lill-Prim Ministru fejn qal li diġà ċċara li lanqas hu m’għandu mandat politiku jew l-appoġġ tal-opinjoni pubblika biex jibda dibattitu dwar l-abort.
Tkellem ukoll dwar id-definizzjoni ta’ familja jew unità domestika u qal li t-trabi fil-ġuf għandhom ikunu protetti mill-vjolenza domestika. Saħaq li fil-liġi, dan l-aspett tħalla barra. 
“Numru ta’ każi ma jiġux irrappurtati” – Ivan Bartolo
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li f’sena kien hemm 1,272 każ ta’ vjolenza li kienu rappurtati lill-Pulizija għalkemm hemm numru kbir ta’ każi oħra li ma jkunux rapportati minħabba divesi ċirkostanzi.
Semma wkoll li fl-aħħar snin inqatlu diversi persuni f’każi ta’ abbuż ta’ vjolenza domestika u saħaq li għalhekk qabel mal-Ministru Farrugia meta qal li huwa importanti li l-għajnuna għandha tingħata kemm lil-vittmi kif ukoll lill-aggressuri.
Qal ukoll li fil-vjolenza domestika, l-ulied isofru daqs dawk involuti.