Vjolenza domestika: Kordinament ikbar bejn il-Pulizija u l-Appoġġ

Fl-ewwel erba’ xhur ta’ 2020 saru diversi inċentivi biex tiġi indirizzata l-vjolenza domestika fil-Gżejjer Maltin fosthom tisħiħ fil-kordinament bejn il-pulizija u l-Aġenzija Appoġġ.

Matul-pandemija saru diversi laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-NGO’s kif ukoll mal-entitajiet tal-Gvern biex ikun żgurat li s-servizz jibqa’ għaddej u tingħata għajnuna f’waqtha lil dawn il-vittmi. Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit fil-Parlament spjega li ġie mniedi is-servizz tal-għajnuna legali għall-vittmi ta’ vjolenza domestika.  

Il-Ministru żied li l-Gvern se jibqa’ jiżgura s-sigurtà tal-vittmi billi jkompli jsegwi l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u miżuri fl-Att tal-Vjolenza bbażata fuq il-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u qegħdin isiru l-emendi neċessarji.  

Fil-21 t’April saret laqgħa bejn l-NGOs li jaħdmu mal-vittmi ta’ vjolenza domestika u l-Kummissjoni abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika. F’din il-laqgħa ġew diskussi l-miżuri li ttieħdu minħabba l-imxija tal-COVID-19 u kif kienu se jingħataw is-servizzi lil dawn il-vittmi matul din il-pandemija.

Matul il-laqgħa l-NGOs qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-klijenti mhux biss minħabba l-pandemija iżda wkoll minħabba l-fatt li ċerta vittmi ma setgħux joħorġu minn djarhom u ma setgħux jirċievu l-għajnuna kollha meħtieġa minħabba li kienu għadhom qed jgħixu mal-aggressur.  

Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis għall-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Qed isiru l-preparamenti biex titwaqqaf taqsima fil-pulizija li tiffoka fuq il-vjolenza domestika

Il-Pulizija qiegħda ssegwi mill-qrib kull żvilupp fil-kamp tal-vjolenza domestika.matul din is-sena se tkun qed titwaqqaf taqsima speċjalizzata fuq reati ta’ vjolenza domestika. Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-infurzar tal-Liġi Byron Camileri spjega li l-pulizija minn żmien għal żmien tara x’titjib fid-deċiżjonijiet ikunu opportun li jittieħdu sabiex ittejjeb l-organizzazzjoni tat-Taqsimiet rispettiv.  

Il-Ministru Bryon Camilleri kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg. 

Is-servizz relatati ma’ vjolenza domestika baqgħu jaħdmu tul il-pandemija

Matul il-pandemija tal-coronavirus is-servizz tal-assistenza għall-vittmi ta’ vjolenza domestika baqa’ jingħata mill-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali. 

L-amministrazzjoni ħadet ħsieb li jkunu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà kemm tal-impjegati kif ukoll tal-vittmi. L-amministrazzjoni ħadu ħsieb li jkun hemm aktar residenzi jekk jinqala’ l-ħtieġa għall-vittmi ta’ vjolenza domestika.  

Il-Ministru Michael Falzon spjega li wara l-assessment li sar f’April li għadda is-servizzi residenzjali li joffru kenn għall-vittmi ta’ vjolenza domestika ġew ikklasifikati bħala servizzi essenzjali.  

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.  

Kull min jinsab għaddej minn xi abbuż jista’ jċempel il-helpline 179 jew lill-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000.