Vjenna żżid id-doża biex tikkontrolla l-fruntiera mal-Italja

Qed tkompli tisħon il-kwistjoni bejn l-Awstrija u l-Italja dwar l-għeluq tal-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fl-aħħar sigħat il-Pulizija Awstrijaka ħabbret li se tibgħat 250 pulizija biex idaħħlu kontrolli tal-fruntiera u jekk hemm bżonn, anke suldati.
L-awtoritajiet tal-Awstrija talbu wkoll li jitħallew jidħlu l-Italja biex jagħmlu kontrolli huma fuq ferroviji u toroq fit-territorju Taljan.
Il-Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, rreaġixxa billi qal li l-pjan tal-Awstrija hu “kontra r-regoli Ewropej, kontra l-istorja, il-loġika u l-futur”.
Anke l-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Awstrija tiċċara l-pożizzjoni tagħha.
Sadattant il-Parlament fi Vjenna qed iħejji biex idaħħal liġijiet ġodda li jippermettu lill-awtoritajiet jirrifjutaw dħul lil min qed ifittex l-ażil u biex iwaqqfu lil refuġjati milli japplikaw biex jingħaqdu ma’ membri oħra tal-familja. Jekk jgħaddu dawn il-liġijiet, kif jidher li se jagħmlu, dawn ikunu l-iktar liġijiet stretti għas-settur fl-UE kollha.