Vjal Santa Luċija se jinfetaħ għat-traffiku

Omar Camilleri (DOI)

Vjal Santa Luċija – li tgħaqqad il-Marsa Junction mal-underpass u roundabout ta’ Santa Luċija li qed tiġi mibnija, se jinfetaħ għat-traffiku fi tmiem il-ġimgħa wara li tlesta x-xogħol fuqu.

Il-karreġġjata ta’ Vjal Santa Luċija fid-direzzjoni lejn in-nofsinhar se tinfetaħ l-ewwel, bil-karraġġjata fid-direzzjoni opposta mistennija tinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjin.

Sakemm jitlestew il-mini, din il-konnessjoni se tingħaqad ma’ 4 rampi ġodda li eventwalment jgħaqqdu l-vjal ma’ Tal-Barrani permezz tar-roundabout li qed tinbena mill-ġdid.

“Ta’ kuljum naraw il-progress fuq dawn iż-żewġ proġetti maġġuri li qed jibdlu għat-tajjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ nies li jgħixu, jaħdmu jew jivvjaġġaw minn u lejn in-Nofsinhar. Illum aktar minn 78% tal-Marsa Junction Project huwa lest u 70% tal-proġett tal-underpass u tar-roundabout ta’ Santa Luċija huwa lest ukoll,” qal il-Ministru għat-Trasport Ian Borg.

Il-ministru spjega li għal dan il-proġett, kif ukoll għall-pontijiet tal-Marsa, qed jintuża għall-ewwel darba polymer-modified asphalt, li huwa aktar b’saħħtu, iservi aktar fit-tul u huwa aktar reżistenti għal bidliet fit-temperatura.

“Dan huwa mod ieħor kif qed niżguraw li l-impenn tal-lum iservi għal għada wkoll. Qed nippjanaw b’mod ħolistiku u fit-tul biex naraw li l-frott tal-ħidma tagħna jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri filwaqt li naraw traġitti aktar effiċjenti, inqas konġestjoni u arja aktar nadifa b’mod immedjat,” żied jgħid Borg.