Vjaġġar b’xejn fuq tal-linja għal persuni li jużaw kelb gwida

Persuni li jużaw kelb gwida (guide dog) li għandu dokument ta' identifikazzjoni se jkunu jistgħu jibdew jivjaġġaw b'xejn fuq trasport pubbliku.
Malta Public Transport ħabbret kollaborazzjoni mal-Malta Guide Dogs Foundation, fejn se tibda tingħata dokument ta' identifikazzjoni.
Fi stqarrija, Malta Public Transport qalet li l-għan ta' din l-inizjattiva hi li jkun hemm servizz iktar konvenjenti għall-klijenti tagħha. Din l-inizjattiva se tkun qed tgħin biex persuni li għandhom bżonn kelb gwida fil-ħajja ta' kuljum jiffrekwentaw iktar it-trasport pubbliku.
Min-naħa tiegħu, iċ-chairman tal-Malta Guide Dogs Foundation, Leone Sciberras, irringrazzja lill-Malta Public Transport li issa anke klieb gwida li għandhom qed jingħataw it-taħriġ se jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom mat-trasport pubbliku.