“Vjaġġ tal-għaġeb li għamilni kantanta kif ukoll bniedma” – Destiny

Ritratt: Facebook/XFactorMalta

“Għadni lanqas nemmen dak li ġara nhar is-Sibt li għadda. Ħolma li saret realtà. Vjaġġ tal-għaġeb li għamilni kantanta kif ukoll bniedma”. Hekk kitbet illum il-kantanta ta’ 17-il sena Destiny Chukunyere, li s-Sibt li għadda rebħet it-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta u b’hekk se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fl-ewwel semifinali tal-Eurovision Song Contest tat-Tlieta 12 ta’ Mejju f’Rotterdam fin-Netherlands.

F’messaġġ fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, Destiny ddeskriviet il-vjaġġ tagħha f’X Factor sa mill-bidu sal-aħħar bħala wieħed b’taħlita ta’ emozzjonijiet, flimkien ma’ ħafna xogħol iebes u dedikazzjoni.

Destiny, ħadet l-opportunità biex tirringrazzja lil dawk kollha li għamlu possibbli din l-esperjenza mit-tim tal-produzzjoni għal dak kreattiv.

Fil-kitba tagħha Destiny ddeskriviet it-tim ta’ X Factor bħala l-familja estiża tagħha u rringrazzjat għadd ta’ persuni li għaliha għamlu l-esperjenza tagħha bħala waħda memorabbli u li se tibqa’ tgħożż.

Bħala ma għamlet fil-finali tas-Sibt li għadda, Destiny rringrazzjat b’mod speċjali lil Ira Losco, li kienet il-mentor tagħha tul is-sensiela.

“Il-pariri siewja tiegħek, il-paċenzja u l-perseveranza nisslu fija l-kunfidenza u l-pożittività biex niffaċċja kwalunkwe sfida waqt dan il-vjaġġ,” kitbet Destiny għal Ira waqt li rringrazzjat ukoll lil Howard Keith, lil Alexandra u lil Ray tal-pariri li huma għaddewlha.

Ma setax jonqos li Destiny tirringrazzja lill-vocal coach tagħha Maria Abdilla għad-dedikazzjoni u l-għajnuna tagħha matul is-snin.

Iżda fuq kollox Destiny rringrazzjat lill-ġenituri tagħha u lil ħutha.

“Mingħajr il-pariri, l-imħabba u l-appoġġ tagħkom u d-dedikazzjoni li wrejtu miegħi ma kienx ikun possibbli li jien nikseb dan kollu. Grazzi tal-valuri li lili għaddejtuli,” temmet Destiny fil-kitba tagħha, waqt li rringrazzjat b’ittri kbar ir-ringrazzjament tagħha lil dawk kollha li emmnu fiha u li vvuttaw għaliha.

“Ibqgħu ċerti li se nagħmilkom kburin,” wegħdet it-tfajla.