“Vjaġġ li jkompli kuljum” – Augusto u Doreen

Jum speċjali għall-kantawtur Augusto Cardinali u martu Doreen li llum qed jiċċelebraw it-30 sena anniversarju mindu żżewġu. Fil-fatt kien bħal-lum l-1990 li Augusto u Doreen wegħdu mħabbithom lil xulxin.

Minn kif tistgħu taraw Augusto kellu ftit xagħar mhux ħażin 30 sena ilu. Huwa kien għad kellu 24 sena!

Augusto u Doreen għandhom ukoll żewġ ulied, Anthea u Michele.

Lil Augusto nafuh bħala kompożitur, poeta, drammaturgu liriċista u attur. Beda fil-mużika meta kellu sitt snin meta beda jdoqq il-klarinett fil-klabb tal-banda ta’ Raħal Ġdid.

Ta’ 7 snin huwa ħa sehem f’festival folkloristiku li sar f’Letterkenny fl-Irlanda u wara f’Londra. Ta’ 10 snin beda jieħu lezzjonijiet tal-kitarra klassika taħt Maestro J. Psaila u matul dan il-perjodu beda wkoll jistudja l-arti u d-drama taħt għadd ta’ għalliema differenti.

Ħa sehem f’bosta rock operas bħal Pawlu 2000, Reġà Sebaħ u Ineż Farruġ. Beda wkoll jipparteċipa f’festivals bħal L-Għanja tal-Poplu, il-festival tal-Indipendenza u l-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija.

Bħala mużiċist ħa sehem f’bosta avvenimenti u kunċerti fosthom fil-May Inspiration li ttellgħu fit-Teatru Manoel u fl-awditorju tal-Università għall-kunċert tal-Leicester School of Music.

Augusto huwa wkoll pittur li ħa sehem ukoll f’diversi wirjiet tal-arti, kif ukoll kiteb ukoll numru ta’ kanzunetti.

Augusto u Doreen ma’ wliedhom Anthea u Michele

Nawguraw lil Augusto u lil Doreen l-isbaħ xewqat f’dan l-anniversarju speċjali u għal aktar snin ta’ mħabba.